Katya De Giovanni trabbiet il-Fgura u Raħal Ġdid. Miżżewġa lil Kenneth Chircop u għandhom żewġt itfal bejniethom, Izak u Serena li għandhom 14-il sena.
Bħala professjoni hija għalliema kif ukoll psikologa speċjalizzata fuq il-qasam tax-xogħol. Bħalissa hija senior lecturer fid-Dipartiment tal-Psikoloġija fl-Università ta’ Malta kif ukoll Direttur taċ-Ċentru tal-Università ta’ Malta li għandha fil-Kottonera.
Minn fejn bdiet din l-imħabba għall-attiviżmu u għall-politika?
Minn etá żgħira kont attiva f’dak kollu li kien jorganizza il-Partit Laburista. Missieri Anthony li kien għal ħafna snin Sindku fil-Lokalitá tal-Fgura kien ukoll id-disinjatur uffiċjali tal-Partit Laburista. Għalhekk jien trabbejt niġri miegħu f’ħafna attivitajiet u ħafna drabi kont nieħu gost nieħu sehem ukoll. Irrid ngħid ukoll li jien Prima Kuġina mal-mibki Dr Karl Chircop li kien ukoll membru parlamentari elett fuq ir-Raba Distrett bejn l-1996 u t-2008.
Għalfejn ħasset li kellek tagħmel dan il-pass proprju issa?
Issa li għandi karriera stabbli u nħoss li ħadt formazzjoni sħiħa, lesta li nagħti l-kontribut tiegħi msawwar bl-esperjenza kollha li ksibt. Tajjeb li ngħid li fil-karriera missejt ma’ kull ambitu fl-edukazzjoni. Għallimt fil-primarji u fis-sekondarji. Għamilt 10 snin bħala karriera l-MCAST fejn bdejt minn Assistant Lecturer u bqajt tiela’ skala waħda wara oħra sakemm ilħaqt Direttur. Ġewwa l-MCAST kont responsabbli ukoll mit-taħriġ li kienu jingħataw il-letturi sabiex ikunu jistgħu jgħallmu lill-istudenti aħjar. Bħala Direttur kont responsabbli mill-korsijiet taċ-Childcare, tal-Care, tal-Isport, tax-Xjenza Applikata, tax-Xagħar kif ukoll tas-Sbuħija. Ili issa għal dawn l-aħħar 10 snin nirriċerka u ngħallem il-Psikoloġija, l-Università ta’ Malta. Dawn l-esperjenzi varji anke f’ħafna bordijiet kif ukoll l-esperjenza li għandi fil-management ħeġġewni sabiex issa nkun nista’ nagħti l-kontribut tiegħi fl-ambitu politiku. Inħasset ukoll il-ħtieġa li n-nisa jagħtu s-sehem tagħhom fit-tfassil tal-politika u li jkollna professjonisti oħrajn u mhux tobba u avukati biss li jaghtu l-perspettiva tagħhom fit-tfassil tal-politika. Jien ili niltaqa’ man-nies tar-Raba’ distrett għal dawn l-aħħar sentejn u nħossi verament fl-ambitu tiegħi nisma’ lill-kostitwenti u ngħinhom bl-aħjar mod li nista’.
U x’inhu s-sigriet biex tagħmel dan kollu u ssib bilanċ u ħin għal kollox?
Biex tinvolvi ruħek fil-politika trid tkun determinat rigward il-pass li tkun ser tagħmel. Il-politika ser tagħmilha għax vera tħobbha u li jagħtik sodisfazzjoni fil-ħajja li jirnexxielek tbiddel il-ħajja tan-nies għall-aħjar. Ma hemm l-ebda sigriet biex issib bilanċ, li jrid ikollok determinazzjoni u dedikazzjoni, kif ukoll li tagħti prijorità lil min ikun jeħtieġha. Għandi però familja li tagħdirni u tgħinni u taf x’inhu dan is-sagrifiċċju. Għandi wkoll helpers fit-tim tiegħi li huma dedikati u li jaħdmu bħala tim id f’id. Dan lili jagħmilli ħajti ħafna aktar faċli u nixtieq nirringrazzjahom talli jifhmuni u jgħinuni.
Saqsejna lil Rebecca, x’inhuma l-akbar sfidi li qed jitkellmu fuqhom in-nies li tiltaqa’ magħhom ta’ kuljum waqt il-home visits?
Ir-reazzjonijiet tar-residenti tad-distretti li se nikkontesa fihom huma reazzjonijiet komuni fil-mod kif jilqgħuni. Kulhadd ilissen l-istess frażi: li l-Partit Laburista għamel ħafna ġid u li ħaseb ħafna fina l-Prim Ministru Dr Robert Abela. Talbiet ma jonqsux: Min jeħtieġ xogħol aħjar, min jeħtieġ residenza, min jeħtieġ sempliċiment għajnuna biex jimla formola. Minn naħa tiehħi ngħin bl-aħjar mod li nista’. Li hu żgur li ma nwiegħed xejn li ma jistax jingħata bil-liġijiet u r-regolamenti eżistenti. Ikollna każijiet li jkunu ġenwini u nieħu nota tagħhom sabiex ngħaddihom lill-Partit u jkun jista’ jsir xi ħaġa dwarhom permezz ta’ liġijiet ġodda li jaqdu aktar il-bżonnijiet ta’ dawn in-nies.
Skont Katya, kemm għadu validu t-twemmin politiku li jenfasizza ħafna fuq il-prinċipji soċjalisti li għandu jħaddan il-Partit Laburista?
Il-prinċipji Soċjalisti ġewwa pajjiżna mhux talli għadhom validi, iżda talli ħadu spinta bit-tmexxija ta’ Robert Abela. Prim Ministru li għandu għal qalbu il-familja, l-anzjani, l-istudenti u dak kollu li jdur mas-soċjetà. Interess wieħed li jtejjeb il-ħajja tan-nies, dak huwa l-kunċett ewlieni li jsaħħaħ l-element Soċjalista.
Jekk tingħata l-fiduċja, Katya, x’timbru tixtieq tħalli bhala Membru Parlamentari?
Kif spjegajt aktar qabel jekk ir-residenti jagħtuni l-fiduċja tagħhom u nkun eletta fil-Parlament, se nkun qed inwettaq il-wegħda li għamilt magħhom, dik li nkun vuċi għalihom sabiex inkompli ntejjeb il-livell tal-ħajja tagħhom. Nixtieq li nara lil kulħadd jingħata ċ-ċans jilħaq il-potenzjal tiegħu f’sistema edukattiva li tippremja t-talent u tnaqqas il-pressjoni żejda li għandhom uliedna. Nixtieq li s-saħħa mentali tingħata prijorità u ma narawhiex biss bħala marda iżda xi ħaġa li rridu nkunu konxji tagħha u li nieħdu ħsiebha bħalma nieħdu ħsieb pereżempju l-piż żejjed. Nixtieq ukoll li naħdmu aktar fuq il-potenzjal tal-anzjani fis-soċjetà tagħna bħala nies attivi u li jistgħu jagħtu kontribut sħiħ. Nixtieq li tingħata aktar attenzjoni fuq livell psikoloġiku lin-nies li jbatu minn mard kroniku sabiex ikollhom servizz ta’ saħħa aktar ħolistiku. Fl-aħħar nett nixtieq li nrawmu lit-tfal jitkellmu fuq dak li jħossu u minn età żgħira jinteressaw ruħhom fil-politika permezz ta’ parlament għat-tfal maqsum f’diversi reġjuni.
Il-Partit Laburista fil-Gvern issa diga ghamel bosta riformi. Fis-snin li ġejjin, Katya, kif tara li l-Partit jista’ jibqa’ qrib il-poplu u jibqa’ jiġġedded?
Partit Laburista fil-Gvern għandu direzzjoni waħda, dik li jibqa’ jħares lejn iċ-ċittadini b’viżjoni waħda li jibqa’ qrib tagħhom u li jisma’ t-talbiet tal-poplu. Permezz t’hekk se jkun aċċertat li l-Moviment Laburista se jkompli jiġġedded. Irridu nżommu u nżidu mekkaniżmi li jħeġġu lill-poplu jipparteċipa u jkun sidu stess tal-politika li qegħdin nagħmlu.
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, Katya, xtaqet twassal messaġġ lill-elettorat Malti…
Jekk il-poplu Malti irid li jkollu serħan il-moħħ għaż-żmien li ġej, għażla waħda għandu quddiemu, dik li jivvota lill-kandidati tal-Partit Laburista – il-Partit li tabilħaqq jemmen fil-potenzjal, l-intelliġenza u r-rieda tajba tal-poplu Malti u Ghawdxi.