Thursday, March 27, 2025

Nixtieq nasal fl-iktar livell għoli u nirrapreżenta lil pajjiiżna f’kompetizzjonijiet internazzjonali – Leah Chetcuti

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-għawm artistiku?

L-imħabba lejn dal-isport beda għax dejjem kont inħobb il-ġinnastika u l-għawm, issa sibt sport li għandu t-tnejn. Il-ħabiba tiegħi qaltli b’dan l-isport u semmiet li kienet tieħu ħafna gost fil-lezzjonijiet. Jogħġobni l-fatt li l-isport għandu element ta’ tim.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Sirens ASC.

Okkażjonijiet mas-Sirens ikunu vera ta’ pjaċir, ningħaqdu bħala klabb bejn il- gruppi kollha tal-għawm artistiku u nkunu qisna familja waħda. Ikollna camps tat- taħriġ ġewwa Malta, kif ukoll barra minn Malta, fejn inqattgħu l-ġranet flimkien, nitħarrġu u ningħaqdu iktar flimkien.

X’suċċessi ksibt sa issa għalkemm għadek ta’ età żgħira?

It-tim tiegħi spiċċa fit-tieni post fil-Malta Open National Championships 2024. Wara din il-kompetizzjoni, fejn urejt kambjament fl-aspett individwali tal-isport (Individual Figures Event) bdejt naħdem fuq Free Solo mal-kowċ. Kelli l-opportunitá li ngħum din ir-routine fil-Ian Ruggier Christmas Gala 2024.

Kif tqis il-livell tal-għawm artistiku f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell huwa wieħed tajjeb ħafna, speċjalment għall-ammont ta’ riżorsi li għandna.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?

Nitħarrġu fil-pixxina ġdida tas-Sirens, f’San Pawl il-Baħar. Naħseb li r-riżorsi huma tajbin, dejjem nippruvaw intejbu fejn nistgħu. Nitħarrġu kemm barra l-pixxina kif ukoll ġewwa l-pixxina. Ikollna kompetizzjonijiet fil-pixxina tas-Sirens, kif ukoll l- Cottonera Sports Complex.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport?

Jiena dan l-isport jogħġobni ħafna, u qed nipprova nistinka biex inkompli ntejjeb il-livell tiegħi fil-futur. Nixtieq nasal fl-iktar livell għoli u nirrapreżenta lil pajjiiżna f’kompetizzjonijiet internazzjonali.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-għawm artistiku.

L-għawm artistiku għandu ħafna affarijiet u elementi differenti. Naħseb li huwa sport tajjeb biex tipprova; aspett li nħobb ħafna huwa li l-kowċis jilqgħuk u kull sessjoni ta’ taħriġ ikun fiha xi ħaġa differenti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport