Otters ASC ħabbru l-ħatra ta’ Peppe Dato bħala l-coach tal-ewwel team.
Dato jġib miegħu esperjenza konsiderevoli fil-waterpolo Taljan, wara li għal bosta snin kien fit-tmun ta’ Nuoto Catania, fejn ħadem kemm fil-livell tas-Serie A1 kif ukoll tas-Serie A2.
Matul il-karriera tiegħu, bena reputazzjoni bbażata fuq xogħol iebes, determinazzjoni u l-iżvilupp ta’ timijiet kompetittivi. Fl-2023, mexxa lil Catania fi play-out drammatiku għar-relegazzjoni mis-Serie A1, fejn it-team tiegħu rnexxielu jżomm postu fl-ogħla diviżjoni wara bidu diffiċli fis-serje.
L-esperjenza tiegħu fil-ħidma kemm ma’ players stabbiliti kif ukoll mat-talent żagħżugħ se ġġib għarfien siewi u perspettiva ġdida lejn l-Otters ASC.
Fi stqarrija l-club qal:
“Qed nistennew b’entużjażmu li nibdew dan il-kapitlu ġdid flimkien fejn Peppe se jġib il-passjoni, l-esperjenza u l-mentalità rebbieħa tiegħu fil-pixxina.”




