Il-golfer żagħżugħ Noah Gratil spikka ferm fil-Laferla Club Championship u c-Centenary Plate, żewġ kompetizzjonijiet li ġew organizzati mir-Royal Malta Golf Club, hekk kif spiċċa fl-ewwel post tal-klassifika.
Gratil kien ferm konsistenti fit-tlett ijiem ta’ logħob, xhieda tal-progress li qed jagħmel. Fil-Laferla Club Championship, hu ġab skor kumplessiv ta’ 202 wara li fl-aħħar ġurnata kiseb 63 punt.
Mill-banda l-oħra, Andy Borg ġie fit-tieni post wara li kiseb punteġġ ta’ 210 filwaqt li Jay Jay Micallef temm fit-tielet post wara riżultat ta’ 211.
Fic-Centenary Plate, Noah Gratil kellu punteġġ ta’ 196 segwit minn Mark Siddal b’198 u Mark Ganado b’201.
Fi tmiem l-attivita’ kien hemm il-preżentazzjonijiet li tqassmu mill-kaptan tar-Royal Malta Golf Club Jay Jay Micallef.