Sunday, May 19, 2024

Putin jibda l-ħames mandat bħala President tar-Russja

Aqra wkoll

Vladimir Putin beda l-ħames mandat tiegħu bħala president tal-Federazzjoni Russa wara li ħa l-ġurament għal mandat ġdid ta’ sitt snin oħra f’ċerimonja apposta fil-Kremlin li kienet bojkottjata mill-Istati Uniti u diversi pajjiżi oħra tal-Punent.

Putin, li ilu fil-poter, bħala President jew Prim Ministru mill-1999, beda l-mandat il-ġdid tiegħu aktar minn sentejn wara li bagħat għexieren ta’ eluf ta’ truppi fl-Ukrajna, fejn il-forzi Russi reġgħu kisbu l-inizjattiva wara sensiela ta’ diżappunti militari u qed ifittxu li javvanzaw aktar fil-qalba tal-lvant tal-Ukrajna.

Ta’ 71 sena, Putin għadu jiddomina l-pajsaġġ politiku domestiku. Fix-xena internazzjonali, huwa maqbud f’konfront ma’ pajjiżi tal-Punent li sikwit jakkużahom li użaw lill-Ukrajna biex jipprovaw jegħlbu lir-Russja.

Waqt iċ-ċerimonja tal-ġurament, Putin qal lill-elite politiku tar-Russja li ma kienx qed jagħlaq id-djalogu mal-Punent iżda li se jkollu jagħmel l-għażliet tiegħu dwar kif se jimpenja ruħu ma’ pajjiżu stess.

Qal li taħditiet dwar l-istabbiltà nukleari strateġika mal-Punent kienu wkoll possibbli, iżda biss fuq termini ugwali. Waqt iċ-ċerimonja, b’ton sod qal “Aħna poplu magħqud u kbir u flimkien se negħlbu l-ostakli kollha, se nagħtu l-ħajja lil dak kollu li ppjanajna. Flimkien se nkunu rebbieħa”.

F’Marzu li għadda Putin rebaħ rebħa kbira f’elezzjoni kkontrollata sewwa li minnha żewġ kandidati kontra l-gwerra ġew esklużi għal raġunijiet tekniċi. L-iktar avversarju magħruf ta’ Putin, Alexei Navalny, miet f’daqqa waħda fis-16 ta’ Frar li għadda f’ħabs federali ta’ sigurta kbira fl-Artiku filwaqt li kritiċi ewlenin oħra jinsabu l-ħabs jew ġew imġiegħla jaħarbu mill-pajjiż.

L-Istati Uniti, li qalet li ma tqisx l-elezzjoni mill-ġdid tiegħu bħala ħielsa u ġusta, baqgħet ‘il bogħod miċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni. Il-Gran Brittanja, il-Kanada u l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea wkoll iddeċidew li jibbojkottjaw il-ġurament, iżda Franza qalet li bagħtet l-ambaxxatur tagħha.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport