Saturday, November 23, 2024

Nofs it-talbiet għal liċenzja ġdida fil-gaming ma jingħatawx

Aqra wkoll

Matul l-2019 nofs it-talbiet li saru lill-Awtorita Maltija tal-Gaming (MGA) għal liċenzja ġdida ġew rifjutati jew irtirati.

Dan jirriżulta mir-rapport annwali ippubblikat mill-istess MGA dwar il-ħidma li hija wettqet matul l-imsemmija sena.

Ir-rapport juri li minn 89 applikazzjoni, 44 ġew miċħuda jew irtirati u 53 liċenzji ġew maħruġa.

L-MGA wettqet ukoll 48 ‘audit’ u għamlet 69 talba lil awtoritajiet barranin biex jgħinuha f’madwar 1,300 investigazzjoni li għamlet biex tassigura li l-kumpaniji ma jkunux involuti fil-kriminalita.

Kien hemm 15-il persuna u kumpaniji li nstab li m’humiex ta’ kondotta tajba li kien jimmeritahom jaħdmu f’dan is-settur minħabba riskju relatat ma’ ħasil ta’ flus jew iffinanzjar ta’ terroriżmu.

Hija ħarġet ukoll 20 twissija, 89 notifika dwar ksur tar-regoli, issospendiet 11-il liċenzja u ħassret 14 waqt li imponiet 23 multa.

Tul is-sena hija għamlet 3,382 spezzjoni f’postijiet tal-‘gaming’, 49% aktar fuq l-2018, b’dawk fil-‘lotto booths’ żdiedu b’10%.

L-ispezzjonjiet fis-swali fejn tintlagħab it-tombla naqsu bi 22%, l-aktar għax għalqu żewġ stabbilimenti, mentri dawk b’rabta ma’ tombla li ma kellhix skop ta’ profitt żdiedu b’10%.

L-2019 rat ukoll it-twaqqif ta’ taqsima li tiffoka fuq il-logħob fl-isports fejn irċeviet 38 rapport dwar suspetti fuq il-logħob bi 19 dwar l-‘esports’, 10 dwar tennis, sitta dwar futbol, wieħed dwar tiġrijiet taż-żwiemel, wieħed dwar ‘beach volley’ u ieħor dwar basketball.

Mir-rapport joħroġ ukoll li sal-aħħar tal-2019 in-numru ta’ kumpaniji liċenzjati magħha kienu 294 waqt li l-ħaddiema fultajm f’dan is-settur ammontaw għal 11,747, 4.8% tal-ħaddiema kollha fil-pajjiż.

Waqt li l-impjegati Maltin fil-‘gaming’ żdiedu minn 32% għal 36%, l-ammont ta’ irġiel jaħdmu fl-‘online gaming kien ta’ 62% u dawk f’kumpanija ‘land based’ kienu 58%.

Sport