Permezz tal-Ministeru għat-Turiżmu, il-gvern nieda uffiċjalment wegħda oħra tal-budget li biha nofs miljun ewro se jkunu allokati fi skema ġdida għal double-glazing f’Birżebbuġa.
Ir-residenti f’Birżebbuġa se jibbenefikaw minn skema li permezz tagħha se jkunu jistgħu jibdlu aperturi esterni tar-residenzi tagħhom li huma antikwati jew ineffiċjenti biex b’hekk itaffu mill inkonvenjent tal-ħsejjes ikkawżati mix-xogħol li jkun għaddej fil-Port Ħieles. L-iskema se ssir b’investiment totali ta’ nofs miljun ewro li se tkun iffinanzjata mill-Malta Freeport Corporation filwaqt li se titħaddem mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS). Permezz ta’ din l iskema, li minnha mistennija jibbenefikaw mill-inqas 250 familja, il-gvern se jkun qed jagħti lura lil dawn il-familji 90% tal-investiment.
L-iskema tnediet waqt konferenza tal-aħbarijiet li ngħatat mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli u mill-Ministru għall-Enerġija u Immaniġġjar tal-Ilma Michael Farrugia.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li l-Port Ħieles huwa ta’ importanza kbira għall-ekonomija tal pajjiż, “Imma huwa rikonoxxut li n-natura tax-xogħol li jsir fih joħloq element ta’ inkonvenjent, partikolarment fejn jidħlu ħsejjes u emissjonijiet mill-vapuri. Il-gvern għaddej b’ħidma kontinwa biex dawn l-inkonvenjenzi jitnaqqsu kemm jista’ jkun”.
“Fil-budget il-gvern ħabbar żewġ proġetti: li se jibda l-proċess li jmiss biex fil-Freeport ikun hemm shore-to-ship , proġett li se jindirizza t-tniġġis fl-arja, u din l-iskema tad-double-glazing li tindirizza l-problema tal-istorbju”, sostniet il-Ministru Farrugia Portelli.
Qalet ukoll li din il-miżura mhix l-unika waħda li qed tittieħed biex jittaffew l-inkonvenjenzi. Il Korporazzjoni tal-Freeport investiet f’apparat li jikkawża inqas ħsejjes filwaqt li ġie installat apparat aktar modern u monitoraġġ kontinwu tal-ħsejjes bl-investiment ta’ dawk li jissejħu white noise alarms. Sadanittant inbeda l-proċess biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-vapuri waqt li jkunu trakkati mal-mollijiet tal-Port Ħieles. “Fl-ewwel xhur ta’ din is-sena malli ngħatajt ir-responsabbiltajiet ministerjali tiegħi, fosthom il-Port Ħieles, tajt direzzjoni lill-Korporazzjoni tal-Freeport biex isiru studji dwar il-vijabilità tax-shore-to-ship power supply li permezz tagħha l-vapuri trakkati mal mollijiet ma jkollhomx għalfejn iħallu l-magni mixgħulin waqt li jkunu għaddejjin bix-xogħol ta’ ħatt
jew tagħbija ta’ containers. Vapuri li jkunu mgħammrin bil-faċilità neċessarja jkunu jistgħu jitfu l magni tagħhom u jitħaddmu bil-kurrent tad-dawl mill-art.
L-istudji tlestew fil-ġimgħat li għaddew u minnhom irriżulta li proġett bħal dan ikun ta’ benefiċċju kbir għall-abitanti ta’ Birżebbuġa. Il-proġett, flimkien mal-istudji, tressaq għall-approvazzjoni tal gvern, liema approvazzjoni nkisbet. Bħala ministeru issa se tkun qed issir l-applikazzjoni għal fondi Ewropej. Huwa stmat li b’dan il-proġett it-tniġġis jonqos b’madwar 40%. L-ewwel fażi tal-proġett se tkun tiswa madwar €5 miljuni.
Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Michael Farrugia fakkar li l-gvern, tul l-aħħar snin, għamel passi kbar biex jassigura li l-familji Maltin jgħixu komdi fi djarhom permezz ta’ inizjattivi li qed jaħdem fuqhom fil-qasam tal-enerġija. Semma fost l-oħrajn l-iskemi tal-pannelli fotovoltajċi, solar water heaters, heat pumps water, double-glazing windows u roof insulations. B’mod partikolari lejn Birżebbuġa, huwa qal li l-gvern impenja ruħu biex jagħlaq l-Impjant ta’ San Luċjan u sa nofs is-sena d-dieħla jingħalaq ukoll l-Impjant 31 ta’ Marzu 1979, żewġ impjanti li kienu ta’ inkonvenjent għar-residenti ta’ Birżebbuġa għal snin twal. Il-gvern għaldaqstant qed jimpenja ruħu wkoll biex jikkumpensa lir-residenti billi joffrilhom l-iskema tad-double-glazing li tħabbret illum.
“Nofs miljun ewro ta’ responsabbiltà soċjali lejn ir-residenti ta’ Birżebbuġa li mhux biss issa se jkun qed jonqsilhom l-inkonvenjent mill-istorbju, iżda se jaraw ukoll roħs fil-kont tad-dawl tagħhom”, qal il-Ministru Farrugia.
Id-Direttur Mark Camilleri mill-Ministeru għat-Turiżmu, permezz ta’ preżentazzjoni, spjega fid dettall din l-iskema u x’wieħed għandu jagħmel biex japplika għall-iskema.
L-applikazzjonijiet għal din l-iskema jiftħu nhar it-Tnejn, 7 ta’ Diċembru 2020 u jagħlqu fil-31 ta’ Diċembru 2021. Iż-żmien li matulu jistgħu jintbagħtu l-applikazzjonijiet jista’ jingħalaq qabel jekk kemm-il darba l-fondi allokati jiġu eżawriti qabel.
Preżenti wkoll waqt il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm is-Segretarju Permanenti fi ħdan il Ministeru Ronald Mizzi u l-Inġinier Jonathan Scerri. Preżenti wkoll kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal Malta Freeport Corporation David Magro, il-Kap Eżekuttiv tar-Rews l-Inġinier Marjohn Abela, is sindku u kunsilliera f’isem il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa.