Filwaqt li nissalvagwardjaw is-saħħa u s-sigurtà pubblika, iċ-Ċentru Interattiv għax-Xjenza, Esplora huwa mill-ġdid fuq quddiem nett biex jipprovdi spazju fejn titwassal il-meravilja tax-xjenza.
“Wara li fid-9 ta’ Ġunju, bħala kunsill ħadna u implimentajna l-miżuri kollha meħtieġa skont id-direzzjoni tal-Gvern sabiex Esplora jerġa’ jiftaħ il-bibien tiegħu, ċ-Ċentru issa huwa lest ukoll għal normalità ġdida”. Hekk sostna ċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Dr. Jeffrey Pullicino Orlando. Huwa saħaq li “issa li Malta b’suċċess u b’kawtela qed tirrilaxxa l-miżuri preventivi kontra l-imxija tal-COVID-19, il-viżitaturi huma mħeġġa li jesperjenza dak li għandu x’joffri Esplora waqt li kontinwament ikomplu jsegwu l-linji gwida tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.”
Il-ftuħ ta’ Esplora b’aċċess sħiħ għaż-żoni tal-esibiti kollha qiegħed jaħbat mal-ħinijiet ġodda tal-istaġun sajfi. Ninkoraġixxu lil kulħadd biex iżuru l-Esplora f’dan il-mument ħalli jieħdu vantaġġ mill-fatt li ċ-ċentru interattiv huwa mifrux fuq medda vasta ta’ 22,000 metru kwadru. Dawk li jżuruna għandhom l-opportunità wkoll li jgawdu minn esperjenzi interattivi hands-on ma’ ’l fuq minn 200 esibit. Jistgħu jqanqlu wkoll il-kurżità tagħhom billi jaraw science show interessanti u jsegwu xi planetarium film.
Barra minn hekk, il-pubbliku jista’ gradwalment jerġa’ jgawdi minn avvenimenti speċifiċi bħalma huma l- Autism Friendly Hours, li jsir kull xahar, is-Seniors Friendly Events, il-Paranormal Trail u l-Esplora Afterhours, fix-xhur li ġejjin.
Sabiex il-ġurnata tkun kompluta, il-viżitaturi jistgħu jieklu xi ikla bnina mill-EsploraCafé, kif ukoll jieħdu magħhom lura d-dar xi tifkira mill-EsploraShop!
Il-biljetti tad-dħul huma disponibbli mill-ġdid mir-Reception ta’ Esplora.
Għal aktar informazzjoni żuru s-sit esplora.org.mt jew jekk tixtiequ titkellmu ma’ membru tal-istaff tagħna, tistgħu ċċemplu fuq 2360 2300.