Thursday, March 28, 2024

Malta tilqa’ l-ewwel 1,800 turist … 1,300 jaslu Malta bl-ajru u 500 oħra bil-baħar

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Wara aktar minn tliet xhur magħluq minħabba l-pandemija tal-Covid-19, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta lbieraħ reġa’ fetaħ il-bibien tiegħu biex jilqa’ l-ewwel turisti f’pajjiżna. Kienu 1,800 it-turisti li waslu f’Malta fl-ewwel jum, b’500 minnhom jaslu permezz tal-baħar.

L-ORIZZONT ilbieraħ kien preżenti għall-ftuħ mill-ġdid tal-ajruport fejn segwa mill-qrib l-aħħar preparamenti li kienu qed isiru għall-wasla u t-tluq tat-turisti. Fost it-tibdil ewlieni li sar kien hemm l-installazzjoni ta’ diversi cameras biex tkun iċċekkjata t-temperatura tal-passiġġieri waqt li tqassar il-proċess taċ-check-in biex jiżgura aktar flessibiltà u jnaqqas il-possibiltà ta’ kuntatt bejn il-passiġġiera.

Fit-terminal għar-ritorn tal-passiġġieri ġew installati magni ta’ sanitizers tal-idejn u sinjali li jfakkru lill-passiġġieri biex jżommu d-distanzi xierqa. Dan filwaqt li ġew imwaħħla ħġieġ protettiv maħsub biex jillimita l-interazzjonijiet bejn il-passiġġieri u l-istaff.

Il-passiġġieri kollha huma obbligati jilbsu maskra jew visor fit-terminal ħlief tfal taħt l-età ta’ sitt snin u persuni b’ċertu kundizzjonijiet mediċi. Mhux se jitħallew jidħlu fit-terminal persuni li jmorru biex iwasslu lil xi ħadd jew inkella biex jilqgħuhom. 

Intant, waqt konferenza stampa li indirizzat fl-ajruport, il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli enfasizzat li l-ftuħ tal-ajruport huwa pass importanti għal eluf ta’ ħaddiema li jaħdmu fis-settur turistiku. “Bdejna bi 11-il titjira u mistenni li jkollna 10 titjiriet oħra llum. Total ta’ 81 titjira sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa. Dan huwa l-bidu tat-triq it-tajba.”

Il-Ministru Farrugia Portelli tenniet li l-pass li jmiss huwa li nikkonsolidaw l-isforzi li nbdew diġa’ fosthom b’kampanja “aggressiva” ta’ reklamar, bil-mira tal-Gvern tkun dik li sal-aħħar tas-sena nkunu rajna mas-700,000 turist f’pajjiżna.

Preżenti kien hemm il-Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar Silvio Schembri li rringrazzja lil kull min ta l-kontribut tiegħu sabiex l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, li għandu rwol kruċjali fl-ekonomija ta’ Malta, seta’ jerġa’ jibda jilqa’ titjiriet kummerċjali. 

“Bdejna vjaġġ lejn normalità ġdida u l-ftuħ mill-ġdid huwa l-ewwel pass ’il quddiem, li żgur ma setax isir mingħajr kollaborazzjoni mill-qrib ta’ diversi entitajiet u bosta sagrifiċċji. Ninsab ħerqan li nerġa’ nara t-turisti jgawdu dak li għandhom x’joffru l-gżejjer tagħna, filwaqt li flimkien inkomplu naħdmu sabiex nattiraw investiment ġdid u nsaħħu aktar lindustrija tat-turiżmu,” qal Schembri. 

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Alan Borg iddeskriva l-ftuħ mill-ġdid bħala l-bidu ta’ vjaġġ iebes lejn l-irkupru, iżda qal li kien ottimist li l-koperazzjoni mill-qrib tal-partijiet interessati kollha kienet ser twassal sabiex eventwalment jerġgħu jintlaħqu ċifri sostenibbli fir-rigward tat-turiżmu. 

Borg kompla billi rringrazzja lit-team tal-ajruport tal-ħidma tiegħu sabiex iħejji tterminal għall-ftuħ mill-ġdid; proċess li ma kienx nieqes mill-isfidi minħabba l-għadd kbir ta’ miżuri li kellhom jiġu implimentati sabiex tkun tista’ tiġi mħarsa s-saħħa tal-passiġġieri u l-impjegati tal-ajruport. Huwa rringrazzja wkoll lill-Ministeru għat-Turiżmu u lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tal-appoġġ kontinwu tagħhom lil-linji tal-ajru li joperaw minn Malta hekk kif is-sitwazzjoni tal-Covid-19 evolviet.

Intant, matul il-jum tal-bieraħ, is-Sur Borg akkumpanjat mill-Ministri Julia Farrugia Portelli u Silvio Schembri taw ukoll merħba lil waħda mill-ewwel titjiriet tal-Air Malta li waslet minn Ruma b’108 passiġġieri.

Ekonomija

Sport