Friday, September 12, 2025

Notte Bianca tirritorna s-Sibt 4 ta’ Ottubru … bi programm li se jinvolvi 350 artist lokali u internazzjonali

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien ma’ Festivals Malta nedew il-programm għall-edizzjoni li jmiss ta’ Notte Bianca, li se ssir is-Sibt 4 ta’ Ottubru 2025.

Il-programm ġie mniedi f’sala ġol-Kunvent tal-Klawsura fil-Belt Valletta, fejn għall-ewwel darba se jsir proġett fil-Knisja ta’ Sant Ursula bħala parti mill-programm ta’ Notte Bianca.

Il-Ministru Owen Bonnici sostna li din is-sena Notte Bianca se tkun iktar b’saħħitha u inklużiva, b’kollaborazzjoni kollettiva ta’ madwar 350 artist lokali u internazzjonali. Dawn se joffru spettaklu uniku permezz ta’ aktar minn 70 proġett mifruxa mal-Belt Valletta kollha, bil-għan li joffru esperjenza kulturali li tgħaqqad lill-familji.

“Sena wara oħra, dan l-avveniment mhux biss sar parti integrali mill-kalendarju kulturali Malti, iżda wkoll appuntament mistenni mill-pubbliku, li jsaħħaħ ir-rabta bejn il-komunitajiet u jsaħħaħ l-identità kulturali tagħna,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra spjega kif Notte Bianca hija waħda mill-akbar avvenimenti li torganizza Festivals Malta, fejn il-ħaddiema tal-Aġenzija jikkordinaw għadd ta’ proġetti li jsiru kollha f’lejla waħda. 

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Frans Agius qal li bħal kull sena, Festivals Malta qed tagħti prijorità lill-artist Malti, bil-maġġoranza tal-proġetti fil-programm ta’ din is-sena maħduma minn artisti lokali. 

Id-Direttur Artistiku ta’ Notte Bianca Antoine Farrugia spjega li Notte Bianca se tkun qed toffri diversi proġetti adattati għal familja kollha, b’prestazzjonijiet apposta għat-tfal u oħrajn għal kbar biss, b’programm imżewwaq li jinkludu diversi aspetti artistiċi. 

Notte Bianca hija organizzata minn Festivals Malta bis-sapport tal-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali u b’kollaborazzjoni ma’ Vibe FM, Coca Cola u European Heritage Days.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport