Nottingham Forest tnaqqsulhom erba’ punti talli kisru r-regoli dwar il-profitt u s-sostenibbiltà tal-Premier League.
Dawn it-tnaqqis ta’ punti jfissru li issa l-Forest waqgħu taħt Luton fiż-żona tar-relegazzjoni.
B’hekk il-Forest saru t-tieni team fl-ogħla diviżjoni Ingliża li ġew penalizzati punti għall-ksur tal-Financial Fair Play, wara li, f’Novembru li għadda, Everton tnaqqsulhom 10 punti, li iżda, tniżżlu għal sitta wara appell mill-istess Everton.
Forest, li x’aktarx jappellaw mis-sentenza, kellhom seduta fis-7 u t-8 ta’ Marzu.
Il-clubs tal-Premier League jistgħu jitilfu £105 miljuni fuq tliet staġuni – £35m kull staġun – iżda, minħabba li Forest qattgħu sentejn mill-perjodu ta’ valutazzjoni fil-Kampjonat, it-telf massimu tagħhom kien permess biss li jkun £61m.
Ir-regoli tal-kampjonat jiddikjaraw li kwalunkwe proċess ta’ appell għandu “jikkonkludi mhux aktar tard u jekk possibbli qabel l-24 ta’ Mejju”, ħamest ijiem wara l-aħħar jum ta’ dan l-istaġun.