Wednesday, July 24, 2024

BOV Tazza l-Kbira 2024 tibda b’6 Heats

Aqra wkoll

Il-BOV Tazza l-Kbira 2024 tibda nhar il-Ħadd 24 ta’ Marzu 2024 b’6 heats li fihom se jieħdu sehem 61 żiemel tat-trott mill-Klassi Premier. L-edizzjoni ta’ din is-sena tfakkar id-90 sena mill-24 ta’ Ġunju 1934 meta saret l-ewwel edizzjoni tat-Tazza l-Kbira, dak iż-żmien imsejħa ‘Championship Trotting Challenge Cup’.

Ir-rebbieħ tas-sena l-oħra Crack Money, li għandu r-rekord nazzjonali tal-aħjar ħin fuq id-distanza ta’ 2640m u r-rebbieħ tal-2022 Charming Soldier, detentur tal-aħjar timing fil-finali tal-BOV Tazza l-Kbira huma fost iż-żwiemel parteċipanti li jinkludu 14-il żiemel ġdid u 6 oħra li reċentement bdew itellqu f’Malta.

L-ewwel 4 żwiemel f’kull heat, li se jtellqu fuq id-distanza tradizzjonali ta’ 2640m, se jipproċedu għas-semifinali tal-Ħadd 7 ta’ April 2024, bl-aqwa 6 f’kull semi-finali jipproċedu għall-finali tal-aktar tellieqa prestiġjuża fil-Kalendarju tat-trott Malti li se ssir nhar il-Ħadd 21 ta’ April.

Bħala l-aktar tiġrija prestiġjuża tas-sena, l-organizzaturi tal-Malta Equidrome reġgħu għollew il-premjijiet tat-tiġrija bir-rebbieħ jirċievi s-somma ta’ €5,000, l-ogħla premju fit-tiġrijiet kollha tal-Malta Equidrome b’€4200 oħra jitqassmu bejn dawk li jispiċċaw minn 2 sal-5 post.

Dan id-90 Anniversarju tal-BOV Tazza l-Kbira jaħbat mal-50 Anniversarju tal-Bank of Valletta, l-isponsor ewlieni. Fil-fatt, il-Bank fetaħ l-bibien tiegħu għall-ewwel darba l-Ħamis 21 ta’ Marzu 1974. Kien ukoll bħal-lum 10 snin li l-Bank appoġġja din it-tellieqa prestiġjuża għall-ewwel darba.

Ekonomija

Sport