Is-Serb Novak Djokovic rebaħ l-Open ta’ Wimbledon għas-seba’ darba meta fil-finali għeleb lill-Awstraljan, Nick Kyrgios.
Barra minn hekk din kienet ir-raba’ darba nfila li rebaħ dan it-tournament biex rebaħ ukoll il-21 Grand Slam tal-karriera tiegħu. Dan ifisser li huwa rebaħ wieħed aktar minn Roger Federer (20) u wieħed inqas minn Rafael Nadal (22).
Huwa rebaħ 4-6, 6-3, 6-4, 7-6 (7-3) hekk kif irkupra tant tajjeb wara li tilef l-ewwel set.
Għal Kyrgios, fl-etá ta’ 27 sena, din kienet l-ewwel finali tiegħu ta’ Grand Slam. Huwa deher li seta’ jirbaħ dan il-konfront iżda wara li tilef it-tieni set, deher jitlef rasu billi beda jargument mal-umpire kif ukoll mat-team tiegħu.
Min-naħa ta’ Djokovic, huwa baqa’ kalm … biex irnexxielu jgħolli t-trofew l-aktar prestiġjuż tat-tennis.