Tuesday, November 26, 2024

Obbligi tal-bejjiegħa meta jbigħu oġġetti lill-konsumaturi

Id-Direttur għall-Informazzjoni, Edukazzjoni u Riċerka mill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur Odette Vella

Aqra wkoll

Fejn jidħlu l-bejgħ ta’ oġġetti lill-konsumaturi, il-bejjiegħa għandhom ċerti obbligi stabbiliti fl-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur li jridu josservaw. Dawn l-obbligi huma mfassla biex jipproteġu d-drittijiet tal-konsumaturi u essenzjalment jiżguraw li l-konsumaturi jiġu fornuti b’oġġetti skont kif mifthiem fil-kuntratt tax-xiri. Billi jkunu konxji mill-obbligi legali tagħhom, in-negozjanti mhux biss jiżguraw il-konformità legali, iżda wkoll jevitaw tilwim bla bżonn mal-klijenti li jista’ jħammeġ ir-reputazzjoni tajba tagħhom.

L-ewwel nett, l-oġġetti fornuti lill-konsumaturi għandhom ikunu konformi mad-deskrizzjoni u l-ispeċifikazzjonijiet kif stipulat fil-kuntratt tal-bejgħ. B’mod aktar speċifiku, il-liġi tistipula li l-oġġetti fornuti lill-konsumaturi għandhom ikunu tal-kwantità u l-kwalità miftiehma, u għandhom ikollhom il-funzjonalità, il-kompatibilità u l-interoperabbiltà kif mitluba fil-kuntratt tal-bejgħ.

Il-bejjiegħa huma meħtieġa wkoll ifornu oġġetti li huma tajbin għal kwalunkwe skop partikolari li għalih il-konsumaturi għandhom bżonnhom u li jkunu infurmaw lill-bejjiegħ waqt ix-xiri. Madankollu huwa importanti li l-konsumaturi jkollhom xi tip ta’ prova li l-bejjiegħ aċċetta li jipprovdi tali prodotti.

Barra minn hekk,  l-oġġetti mibjugħa lill-konsumaturi għandhom jiġu fornuti bl-aċċessorji u l-istruzzjonijiet kollha kif stipulati fil-kuntratt tax-xiri. Fil-każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali li jeħtieġu aġġornamenti, dawn ukoll għandhom jiġu fornuti skont il-ftehim tal-bejgħ. Tali aġġornamenti huma importanti biex iżommu l-oġġetti f’konformità, għall-perjodu ta’ żmien li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna minħabba t-tip u l-iskop tal-oġġetti u l-elementi diġitali.

Rekwiżiti oħra stipulati fir-Regolamenti dwar il-Bejgħ ta’ Oġġetti, jiddikjaraw li oġġetti mibjugħa lill-konsumaturi għandhom ikunu tajbin għall-iskopijiet li għalihom normalment jintużaw oġġetti simili. Il-bejjiegħa għandhom ukoll ifornu oġġetti li l-kwalità tikkorrispondi mad-deskrizzjoni ta’ kampjun jew mudell, li l-bejjiegħ għamel disponibbli għall-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt. Barra minn hekk, fejn applikabbli, l-oġġetti għandhom jiġu fornuti b’aċċessorji, inklużi l-ippakkjar, struzzjonijiet ta’ installazzjoni jew struzzjonijiet oħra, kif il-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna li jirċievi. Fl-aħħar nett, l-oġġetti għandu jkollhom il-kwalità, il-kwantità u l-karatteristiċi normali għal oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna minħabba n-natura tal-oġġetti u kwalunkwe dikjarazzjoni pubblika magħmula mill-bejjiegħ.

F’sitwazzjoni fejn prodott jonqos milli jissodisfa dawn ir-rekwiżiti, il-konsumaturi huma intitolati li jitolbu rimedju mingħand il-bejjiegħ. Fl-ewwel istanza, il-konsumaturi jistgħu jitolbu li l-prodott mhux konformi jissewwa jew jinbidel mingħajr ħlas. Meta dawn is-soluzzjonijiet ma jkunux possibbli, jew jekk jintgħażlu jistgħu jikkawżaw inkonvenjent sinifikanti lill-konsumaturi, dawn tal-aħħar jistgħu jitolbu tnaqqis proporzjonat tal-prezz jew it-terminazzjoni tal-kuntratt tal-bejgħ. Meta t-tnaqqis tal-prezz jintgħażel mill-konsumaturi, l-ammont rimborsat għandu jkun proporzjonat għat-tnaqqis fil-valur tal-oġġett minħabba d-difett jew in-nuqqas ta’ konformità. Rigward il-kanċellament tal-kuntratt tal-bejgħ u r-rifużjoni sħiħa tal-flus imħallsa, dan ir-rimedju ma jistax jintalab meta n-nuqqas ta’ konformità jkun minuri jew insinifikanti.

Il-limitu ta’ żmien għall-konsumaturi biex jitolbu dawn ir-rimedji huwa ta’ sentejn mid-data tax-xiri. Meta l-oġġetti jirriżultaw difettużi matul l-ewwel sena, l-oġġett jkunu meqjusa li kienu difettużi meta sar ix-xiri. Dan sakemm ma jiġix ippruvat mod ieħor mill-bejjiegħ jew sakemm din il-preżunzjoni ma tkunx inkompatibbli man-natura tal-oġġett u n-natura tad-difett li għandu l-prodott.

Il-bejjiegħa mhumiex legalment obbligati li jipprovdu rimedju f’sitwazzjonijiet meta l-konsumaturi jibdlu l-ħsieb jew jagħmlu għażliet ta’ xiri żbaljati. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-bejjiegħa huma liberi li japplikaw il-poloz ta’ ritorn volontarji tagħhom, bħal pereżempju, li jippermettu lill-konsumaturi jibdlu l-prodott mhux mixtieq jew jagħtuhom nota ta’ kreditu.

Installazzjoni mhux korretta tal-prodott fejn l-installazzjoni ma tifformax parti mill-kuntratt tal-bejgħ, teżenta wkoll lill-bejjiegħa mir-responsabbiltà li jipprovdu rimedju bla ħlas. Rigward oġġetti b’elementi diġitali, il-bejjiegħa mhumiex responsabbli għal xi nuqqas ta’ konformità meta l-konsumaturi jonqsu milli jinstallaw l-aġġornamenti fornuti. Madankollu, il-bejjiegħ għandu jinforma sew lill-konsumatur dwar id-disponibbiltà ta’ dawn l-aġġornamenti u l-konsegwenza jekk il-prodott ma jiġix aġġornat.

Meta l-bejiegħa jkunu jafu u anke jonoraw l-obbligi legali jsaħħu l-fiduċja tal-konsumatur fin-negozju tagħhom u anke jevitaw ilmenti bla bżonn. Meta jkollhom dubju dwar l-obbligi tagħhom, il-bejjiegħa huma mistiedna jikkuntattjaw lill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-MCCAA għal informazzjoni u gwida.

Sport