Meta art tiġi ttimbrata bħala ODZ tfisser li fuqha ma jista’ jsir l-ebda żvilupp jew bini. Wieħed jifhem li din ma tantx togħġob lil sidien tal-art imlaqqma ODZ li jkunu jixtiequ jaqilgħu xiħaġa aħjar mill-art tagħhom billi jikkumerċjalizzawha. Jifhem ukoll li se jagħmlu pressjoni b’kull mezz biex jaslu għall-finijiet tagħhom. Mhux bilfors li dil-ħaġa teskala f’korruzzjoni u abbuż tal-poter, imma l-possibiltà li dan jiġri, hemm qiegħda wkoll.
Bl-istess mod jista’ jinqalgħu raġunijiet ġenwini għaliex art ODZ għandha tingħata għall-bini. Ivarjaw mill-filantropija ta’ organizzazzjonijiet publiċi jew privati, għal użu publiku importanti minn awtoritajiet publiċi. Li ġara u qed jiġri, hu li taħt skuża/raġuni jew oħra, xi bini fuq art ODZ jingħata permess li imbagħad jiftaħ xaqq għal każi oħra…
Ma narax soluzzjoni għal dil-problema ħlief li b’mod tassattiv, malli art tinqabad bħala ODZ, b’xejn li xejn ma tkun tista’ tittiefes u għall-ebda raġuni… ħlief forsi f’każ ta’ sigurtà nazzjonali. Imma hemm int, malli ddaħħal eċċezzjoni, m’intix qed iddaħħal feles…? U kif se jiġi ċertifikat każ bħal dan? B’vot unanimu fil-Parlament? B’panel speċjali maħtur mill-ġudikatura?
DISKORS TA’ PRESIDENT
Spikka din l-aħħar ġimgħa l-mod kif il-President Amerikan Trump wassal it-theddida tiegħu ta’ gwerra aktar qalila lill-mexxejja tal-Iran. Diskorsu kien injettat b’dak li bil-Malti ngħidulu “kliem ħażin”. Ħafna tmeżimżu. Dan mod kif jitkellem Kap ta’ Stat? staqsew. U tal-aqwa stat fid-dinja?
Issa veru, Presidenti ta’ qabel Trump kienu jitkellmu bl-aktar espressjonijiet kuluriti. Il-publikazzjoni tal-Watergate tapes bid-diskussjonijiet irrekordjati li kien ikollu l-President Nixon fl-uffiċċċju tiegħu fil-White House fis-snin 70 tas-seklu l-ieħor, kienet mimlija qtugħ li jindika fejn tneħħa l-kliem ħażin li kien qed jintuża fil-konversazzjoni. Imma talanqas, dawk kienu diskursati fil-“privat”, mhux biex jixxandru. Diffiċli tifhem x’wassal liill-President Trump jitkellem kif tkellem. Il-vokabularju li għażel kellu l-effett li xtaq minnu?
MIN JISKONĠRA….
L-aħħar storja li nqalgħet… qadima ftt anqas minn għoxrin sena, dwar l-istupru ripetut ta’ tfajla taħt l-età f’Għawdex poġġiet mill-ġdid serċlajt qawwi fuq il-Knisja Kattolika f’Malta u fuq il-mexxejja tagħha. Bi drawwa uffiċjali u kważi bi dritt, dawn jingħataw l-opportunità f’okkażjonjiet statali biex jagħmlu l-interventi tagħhom lill-mexxejja politiċi u soċjali tan-nazzjon.
Jieħdu l-ooportunità biex jippriedkaw b’solennità kbira valuri morali. Kulħadd donnu jaċċettahom għax għandhom l-aqwa kredenzjali dwar hekk. U hekk jippreżentaw ruħhom. Fil-prattika jidher li matul is-snin, kienu lesti li daqs mexxejja oħra tal-pajjiż – fil-politika, fl-ekonomija, fl-inizjattiva soċjali – jimmanuvraw biex jgħattu jew inessu dnubiet kbar ta’ membri tal-korp tagħhom.

