Friday, November 22, 2024

“Offrejna sena ta’ serħan il-moħħ” 

Il-messaġġ tal-Prim Ministru Robert Abela għas-sena l-ġdida 2023

Aqra wkoll

Waqt il-messaġġ annwali tiegħu għas-sena l-ġdid il-Prim Ministru Robert Abela qal li fl-aħħar 12-il xahar il-Gvern ħadem biex kulħadd ikollu moħħu mistrieħ li l-pajjiż miexi fid-direzzjoni t-tajba.

Abela qal li għas-sena d-dieħla l-għan tall-Gvern hu li jibqa’ jiggarantixxi s-serħan il-moħħ kemm lin-negozji u anke lil poplu kollu. Il-Prim Ministru Abela qal li biex dan l-għan jintlaħaq kulħadd irid jaħdem għalih u nilħquh bħala poplu wieħed flimkien.

Fil-messaġġ tiegħu l-Prim Ministru qal li “ridna li wara sfida tant kbira bħall-pandemija, il-familji mhux biss ikunu jistgħu jippjanaw is-sena li ġejja, iżda wkoll il-futur. Dan f’pajjiż li fih jinħolqu opportunitajiet ġodda għat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna u fejn jikber is-sostenn lill-pensjonanti u dawk l-aktar fil-bżonn.”

Hu żied jgħid li biex nilħqu dawn l-għanijiet Malta għandha pjan imġedded. Kien hawn li rrefera għall-elezzjoni ġenerali li saret matul din is-sena fejn sostna li l-pjan kien magħżul  mill-poplu Malti u Għawdxi fl-aktar proċess demokratiku b’saħħtu u miftuħ.

 “L-għażla tagħkom ma kinitx biss dwar partit jew ieħor, iżda kienet għażla dwar x’ġejjieni tridu għal pajjiżna. Għażiltu programm ta’ ħidma b’elf proposta biex nibnu futur sabiħ flimkien. Xejn ma jiġi mingħajr l-isfidi iżda wrejna għal darba wara oħra li bħala pajjiż kapaċi nagħrfu l-mument u ndawru l-isfidi f’opportunità,” qal il-Prim Ministru.

Abela rrefera wkoll għall-pandemija fejn sostna li fl-2022 kienet importanti hekk kif ksibna n-normalità sħiħa.

Dwar l-ekonomija ta’ pajjiżna l-Prim Ministru qal li rapporti ta’ istituzzjonijiet internazzjonali u indipendenti li jagħtu konferma li qed inħaddmu ekonomija b’saħħitha li fuqha nkomplu ngħinu lill-familji b’żidiet bħal dawk fiċ-children’s allowance, l-anzjani b’żidiet fil-pensjonijiet, il-first-time buyers b’għotjiet ġodda u lill-aktar vulnerabbli b’inizjattivi maħsuba apposta.”

Sostna li l-tkabbir ekonomiku qed jintuża biex kull min jgħix f’Malta jkun jista’ jgħix aħjar. 

Meta tkellem dwar is-sena 2023, il-Prim Ministru qal li din trid tkun ukoll is-sena fejn pajjiżna jkompli għaddej b’bidliet soċjali b’saħħithom li jibnu fuq dak li sar fl-aħħar snin.

“Nemmen li wasal il-mument li s-soċjetà tagħna tibgħat messaġġ iktar b’saħħtu favur il-ħarsien tal-mara. Issa li għandna l-akbar rappreżentanza femminili fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet, huwa kruċjali li nagħmlu l-akbar qabża ‘l quddiem fid-drittijiet tan-nisa. Dejjem emmint li l-fatt li tant iktar nisa llum daħlu fid-dinja tax-xogħol kellu jkun il-bażi biex ikollhom ħelsien ikbar f’oqsma oħra,” qal il-Prim Ministru. 

Tkellem dwar il-vjolenza domestika fejn saħaq dwar il-bżonn li kull mara jkollha ħajjitha u saħħitha mħarsa.

Abela tkellem ukoll dwar is-sinjali ċari ta’ prijoritajiet ġodda. “Ħadna deċiżjoni fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern ġdid biex medda ta’ art ODZ fiż-Żonqor nipproteġuha. Rajna lill-Ħondoq jiġi salvat u lliberajna spazji oħra biex fuqhom isiru proġetti li jitgawdew mill-familji. Ifisser li għamilna biżżejjed? Dażgur li le. Għalhekk fix-xhur li ġejjin din il-ħidma trid tieħu forma iktar mgħaġġla biex ikollna l-bażi b’saħħitha għal aktar proġetti ambizzjużi,” kompla jgħid il-Prim Ministru.

Semma wkoll li Malta se tkun qed isservi fil-Kunsill tal-Ġnus Magħquda u li f’pajjiżna se jsir Summit li li jiġbor fih il-pajjiżi kollha tan-naħa ta’ isfel tal-Unjoni Ewropea. 

Spiċċa biex ta l-awguri tiegħu lil martu Lydia u binthom Giorgia Mae. “F’isem il-gvern nawgura lilkom kollha, sena mill-aqwa,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela fil-messaġġ tiegħu għall-ewwel tas-sena.

Sport