Monday, November 11, 2024

“Offrejt li mmur magħha l-Għassa … Minflok sibt il-partner tagħha jistennieni”

Il-Parlament ikompli d-diskussjoni dwar il-vjolenza domestika mingħajr l-Oppożizzjoni

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minkejja diskussjoni daqstant importanti dwar abbozz li jista’ jgħin biex jissalvagwardja l-ħajjiet f’każijiet estremi, l-Oppożizzjoni ħalliet il-bini tal-Parlament.

Fost il-kelliema min-naħa tal-gvern,  id-Deputat Laburista Malcolm Paul Agius Galea qal li dan mhux se jkun reġistru u li l-privatezza ta’ min jiżbalja se tiġi rispettata. Madanakollu huwa saħaq li ma nistgħux naffordjaw li jkollna vittma oħra speċjalment li ma tkunx konxja ta’ x’ġara fil-passat. 

Huwa tkellem dwar il-vjolenza domestika li ssir mill-irġiel għalkemm hemm forom oħra. Huwa qal li l-irġiel li jagħmlu vjolenza domestika b’mod abbużiv fiżikament mhux darba jew tnejn ikunu huma stess ulied ta’ relazzjonijiet abbużivi fil-passat. Sostna li għalhekk hemm bżonn li naħsbu minn kmieni u jekk hemm bżonn dan is-servizz jingħata minn kmieni għax meta jkun hemm it-tfal l-affarijiet jikkumplikaw ruħhom.

It-Tabib kompla biex jagħti eżempju mill-karriera professjonali tiegħu. Huwa spjega li darba minnhom marret għandu mara li kien ilu jinnota, iżda kellu biss spekulazzjonijiet. Daqqa tbenġila u daqqa oħra. Qal li din kienet għadha mara żgħira fl-età. Offrielha li jmur jakkumpanjaha hu lejn l-għassa. Ftehmu li jiltaqgħu kif jagħlaq il-klinika. 

“Din il-mara ma ġietx. Minflok sibt lill-partner tagħha jistennieni. Ħalla lil kulħadd jitlaq u tagħni ħasla kif tmiss il-liġi. Li dak il-ħin spiċċajt bla kliem u anke lili werwer kienu d-9:00 p.m. Twerwirt, m’hemmx kliem oħra kif ngħidha. Aħseb u ara mara li qiegħda tgħix il-ħin kollu miegħu dan”, kompla biex jgħid it-Tabib.

Tkellem dwar id-diskussjoni tal-grupp parlamentari Laburista li tkellmet dwar is-servizzi wiesgħa li jeħtieġ jingħataw biex dan l-abbozz jiġi msaħħaħ. Huwa sostna li sakemm mara tiġi biex tieħu dik id-deċiżjoni għandha bżonn sapport biex tagħmilha. Mhux biżżejjed li jkollok liġi li twissi dwar periklu, iżda se jkun hemm is-sapport kollu biex ladarba tittieħed deċiżjoni, il-persuna tkun tista’ tmexxi b’ħajjitha.

Huwa tkellem dwar il-vittmi li spiċċaw anke nqatlu bi rġiel li jinbidlu f’annimali feroċi li jwerwruk għax ma jkunux qegħdin jiddeċiedu dak il-ħin.

Żied jirreferi għal każi oħra ta’ relazzjonijiet multietniċi b’differenza għal qabel fejn forsi aktar qisu kulħadd kien jaf lil kulħadd. Qal li jaf ikollok persuna barranija li ma tkunx taf min hu li minkejja li jista’ jkun kapaċi juża diskors li jħollok, u jaf ikun qiegħed jaħbi storja kera u għalhekk min jidħol għal relazzjoni miegħu għandu jkun jaf x’ħobż jiekol.

“Ma nistax ma ngħidhiex. Ninsab diżappuntat li f’materja daqshekk importanti qegħdin nitkellmu waħidna. Nifhem li forsi kien hemm punt min-naħa tal-Oppożizzjoni. Iżda inti tibqa’ bir-rispett tiegħek tmexxi din il-Kamra u nirrispettaw lil dawk in-nisa kollha, dawk il-vittmi kollha li f’salt wieħed insejnihom, tajnihom daharna anzi tlaqna ’l hemm. Xejn mhu se jaqtgħalna qalbna milli nkomplu nimxu ’l quddiem”, temm jgħid Galea.

Sport