Tuesday, May 14, 2024

Rata ta’ interess ta’ 0% għal min se jieħu loan biex jinvesti f’vetturi elettriċi

Aqra wkoll


Il-Bank of Valletta u l-APS Bank se joffru rata ta’ interess ta’ 0% għal min se jieħu loan biex jinvesti f’vettura elettrika jew hybrid u inizjattivi favur l-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija rinnovabbli.

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru Aaron Farrugia, il-Ministru Silvio Schembri u s-Segretarju Parlamentari Chris Bonett.

Dan se jkun possibbli permezz tal-istrument finanzjarju EERE taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fejn b’kollox ġew allokati €15-il miljun. L-iskema tikkonsisti f’garanzija tal-portafoll u sussidju fir-rata tal-imgħax għal 10 snin, li se tgħin biex tiġi offruta rata t’ interess ta’ 0% għal min se jieħu loan.

Jistgħu jibbenefikaw individwi privati, SMEs, intrapriżi kbar, korpi kostitwiti u entitajiet fis-settur pubbliku u privat, fost oħrajn.

Fost l-investimenti li jistgħu jagħmlu hemm ix-xiri ta’ vetturi elettriċi jew hybrid; charging stations għal vetturi elettriċi; konnessjonijiet mal-provisti tal-enerġija għal sistemi fotovoltajċi; sistemi ta’ insulazzjoni; sistemi ta’ ventilazzjoni u miżuri għall-iffrankar tal-ilma.

Il-Ministru Aaron Farrugia fisser kif is-settur tat-trasport jista’ jkun kontributur ewlieni favur il-qalba ekoloġika hekk kif is-settur minnu nnifsu huwa l-aktar responsabbli għall-emissjonijiet. Huwa tenna kif dawn il-loans, flimkien mal-għotjiet finanzjarji li qed toffri Transport Malta, se jkunu qed iħeġġu aktar nies biex jagħmlu l-qalba lejn vetturi li ma jniġġsux.

“Transport Malta qed toffri sa €13,000 f’għajnuna lil min irid jixtri karozza elettrika. Jeżistu wkoll għajnuniet għal min juża l-vettura tiegħu biex jaħdem kif ukoll għall-muturi. Din l-għajnuna u issa anki dawn il-loans mingħajr interessi, huma kruċjali biex aktar nies f’pajjiżna jagħmlu l-qabża lejn trasport iktar sostenibbli,” temm jgħid il-Ministru Farrugia.

Il-Ministru Silvio Schembri qal li l-ambjent huwa prijorità ewlenija għal dan il-Gvern u din l-iskema hija mod kif kumpaniji pubbliċi u privati kif ukoll individwi jagħmlu għażliet f’ħajjithom favur l-ambjent, mingħajr spejjeż żejda.

“Ambjent aħjar għal uliedna jfisser li kollha kemm aħna nagħmlu dawk l-għażliet neċessarji biex verament nagħmlu differenza, fid-djar tagħna, fil-postijiet tax-xogħol u n-negozji tagħna b’għażla ta’ enerġija nadifa u fl-għażla tal-karozza li nsuqu. Bħala Gvern qed  niffaċilitaw bit-tnedija ta’ skemi bħal tal-lum,” stqarr il-Ministru Schembri.


Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li l-banek jilgħabu rwol importanti fl-ekonomija u issa rridu narawhom jkunu aktar ċentrali fil-mixja lejn l-iżvilupp sostenibbli.

“Din l-iskema hi fost l-iktar waħda flessibbli u immirata għal kulħadd kemm negozji kbar u żgħar, individwi, entitajiet pubbliċi. Hija miftuħa wkoll għal finanzjament ta’ investiment varjat ħafna fosthom ix-xiri ta’ karozzi elettriċi, insulazzjoni aħjar fil-binjiet u miżuri li jgħinu fil-ħażna tal-ilma,” tenna s-Segretarju Parlamentari Bonett.

Sport