Sunday, May 5, 2024

L-Ispeaker ma jilqax it-talba tal-Oppożizzjoni għal diskussjoni b’urġenza dwar l-Air Malta

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-seduta parlamentari tal-lejla kellha tiġi sospiża sakemm l-Ispeaker Anġlu Farrugia jiddeċiedi dwar it-talba mressqa mill-Kap tal-Oppożizzjoni li talab biex tiġi diskussa l-Air Malta.

Grech qal li l-parlament kellu jaġġorna biex jiddiskuti din il-materja urġenti, importani u anke nazzjonali wara li aktar kmieni tħabbar li l-linja nazzjonali tal-ajru se tkun qiegħda tagħlaq sal-aħħar tas-sena.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li m’għandu l-ebda problema jiddiskuti ladarba jintemmu d-diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea. Caruana qal li għad baqa’ ħames punti saljenti bejn iż-żewġ naħat li għad m’hemmx qbil fuqhom u d-diskussjonijiet qegħdin jieħdu dan it-tul kollu għax il-materja hija kumplessa. 

Min-naħa tiegħu l-Ispeaker iddeċieda li minkejja li l-materja hija definita u ta’ importanza pubblika, rigward l-element ta’ urġenza huwa rrimarka dwar il-fatt li l-Ministru konċernat qal li d-diskussjoni mal-Kummissjoni Ewropea għadha għaddejja u saħansitra tista’ tkompli fil-ġimgħat li ġejjin.

“Għaldaqstant is-sedja ma tarax l-element tal-urġenza kif definit aktar qabel u b’mod kostanti f’rulings preċedenti jirriżulta f’dan l-istadju u għaldaqstant mhix tilqa’ t-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni”, żied jgħid Farrugia.

Minkejja dan l-Ispeaker kompla biex jgħid li s-sedja tirrakkomanda li jsir abbokkament bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra biex jinstab ħin fejn din tkun tista’ tiddiskuti. Is-sedja tara li din il-proposta tiġi milqugħa anke fid-dawl li l-Ministru Caruana qal li l-gvern huwa propens u kkommetta ruħu li din id-diskussjoni tkun tista’ ssir fi stadju ulterjuri.

B’reazzjoni għal din id-deċiżjoni, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li huwa ta’ għajb li l-Parlament ta’ Malta ma jridx jiddiskuti materji ta’ natura urġenti u nazzjonali anke wara li t-talba tal-bieraħ għal diskussjoni rigward il-mewt ta’ JeanPaul Sofia ġiet ukoll miċħuda.

“Għaldaqstant l-Oppożizzjoni llum tħoss li m’għandhiex tipparteċipa fil-kumplament tal-ġurnata tal-parlament”, tenna Grech.

Sport