Friday, December 20, 2024

Oġġetti misjuba f’bastiment li għereq 700 sena QK esebiti fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija

Aqra wkoll

Wirja dwar is-sejba tal-bastiment ta’ żmien il-Feniċi li nstab f’qiegħ il-baħar lil hinn mill-bajja tax-Xlendi nfetħet fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija biex il-pubbliku jkun jista’ jara kif tim ta’ bugħaddasa xjentifiċi għall-ewwel darba skava sit f’fond ta’ aktar minn 100 metru.

Il-wirja, li qabel kienet ittellgħet fiċ-Ċittadella ta’ Għawdex kif ukoll fl-Akkwarju Nazzjonali, tiffoka fuq it-teknika innovattiva li ntużat biex ġie skavat b’mod xjentifiku sit f’fond kbir, filwaqt li tesebixxi artefatti li ttellgħu mill-bastiment. Uħud mill-oġġetti esebiti kienu għadhom mhux magħrufa fir-rekords arkeoloġiċi ta’ Malta. Preżentazzjonijiet awdjo-viżivi jgħinu biex jittrasportaw lill-viżitatur sa qiegħ il-baħar ’il barra mill-bajja tax-Xlendi.  

Stħarriġ li kien sar f’qiegħ il-baħar lil hinn mix-Xlendi fl-2007 kixef anomalija li indikat il-possibbiltà tal-preżenza ta’ bastiment qadim ħafna mgħarraq. Irriżulta li fil-post kien hemm il-fdalijiet ta’ bastiment tal-merkanzija ta’ żmien il-Feniċi, li jmur lura sas-seklu 7QK. Din kienet sejba rari u importanti ħafna. F’fond ta’ 110 metri, is-sit joffri sfida kbira għall-bugħaddasa, tant li kien biss fl-2018 li saru l-ewwel skavi fis-sit.

Fl-2020, għadd sostanzjali ta’ oġġetti ttellgħu mis-sit. Dawn kienu jinkludu amfori sħaħ, bċejjeċ taċ-ċeramika, kif ukoll buqari u urni li wħud minnhom huma rari u uniċi fl-istorja tal-arkeoloġija ta’ Malta. Tkomplew ukoll l-iskavi, bl-organizzazzjoni u d-direzzjoni tad-Dipartiment tal-Klassiċi u l-Arkeoloġija fl-Università ta’ Malta, li kixfu fdalijiet ta’ njam mil-livelli ta’ isfel tal-bastiment. Skoperta rari u eċċitanti kienet dik fejn instab tip ta’ minċott li kien jintuża fil-qedem fil-bini tal-bastimenti. L-iskavi kixfu wkoll partijiet minn sitt twavel tal-injam li jipprovdu tagħrif siewi dwar kif kienu jinbnew il-bastimenti f’kuntest Mediterranju arkajku.

Fl-2021 saru l-aħħar skavi fil-proġett tal-bastiment ta’ żmien il-Feniċi. Din id-darba fost l-iskoperti eċċitanti li saru kien hemm dik ta’ sinna ta’ bniedem – l-ewwel fdal uman li nstab fis-sit. Din is-sinna, min-naħa tal-lemin tax-xedaq ta’ isfel, se tintbagħat għal aktar testijiet, fosthom dawk tal-carbon dating u analiżi tad-DNA.

Meta żar il-wirja fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, Owen Bonnici, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, spjega li dan huwa pass ieħor ‘il quddiem biex inkomplu nistabbilixxu lil pajjiżna bħala ċentru importanti ħafna fejn jidħol il-wirt ta’ taħt il-baħar fil-Mediterran.

Min-naħa tiegħu, Noel Zammit, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, qal li t-tqanqil ta’ kuxjenza pubblika, kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment, dwar l-importanza arkeoloġika ta’ dan il-proġett hija għan ewlieni, aktar u aktar billi dan huwa wieħed minn seba’ siti biss kontemporanji li ġew identifikati. 

Huwa fakkar li Heritage Malta bħalissa tieħu ħsieb 15-il sit f’qiegħ il-baħar, li jikkonsolidaw il-qagħda ta’ Malta fuq il-mappa għal bugħaddasa mid-dinja kollha. L-aġenzija nazzjonali għall-wirt kulturali se tkompli ssaħħaħ l-appoġġ tagħha lill-proġett tal-bastiment ta’ żmien il-Feniċi kif ukoll proġetti oħra, għax permezz ta’ kollaborazzjonijiet bħal dawn il-wirt nazzjonali jitkattar u jsir aċċessibbli biex jiġi studjat u gawdut.

Id-dħul għall-wirja ‘Exploring the Phoenician Shipwreck off Xlendi, Gozo’ huwa inkluż fil-prezz normali tal-biljetti għad-dħul fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija. Il-wirja tibqa’ għaddejja sad-29 ta’ Mejju.

Il-proġett tas-sejba tal-bastiment ta’ żmien il-Feniċi kellu l-appoġġ tal-Ministeru għal Għawdex, l-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, il-Fondazzjoni Honor Frost u Heritage Malta.

Ekonomija

Sport