Friday, December 20, 2024

“Okkażjoni li permezz tagħha se jogħla l-profil ta’ pajjiżna fid-dinja tal-isport”

Kollox lest għall-ftuħ tal-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar f'pajjiżna

Aqra wkoll

Kollox jinsab lest biex illejla fid-8.45 p.m. jingħata bidu għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2023 tant mistennija li jsiru proprju ġewwa pajjiżna, permezz taċ-Ċerimonja tal-Ftuħ li se ssir fuq il-Fosos tal-Furjana.

Proprju rigward dan, dan is-sit tkellem mal-Ministru għall-Edukazzjoni u Sport, Dr Clifton Grima li qal li: “Din hija okkażjoni li permezz tagħha se jogħla l-profil ta’ pajjiżna fid-dinja tal-Isport u se jitħalla legat għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.”  

Il-Ministru Grima tenna li dan il-Logħob se jkompli jpoġġina fuq il-mappa dinjija tal-isport, u li din se tkun okkażjoni li fiha l-atleti se jsarrfu t-taħriġ u l-investiment li sar fihom.

“Dan huwa avveniment tal-atleti u l-isportivi ta’ pajjiżna, aħna se nkunu warajhom u se niċċelebraw magħhom is-suċċessi tagħkom. Aħna qed ninvestu bis-sħiħ fl-atleti, fl-edukazzjoni u fl-isport, għaliex irridu nagħtukom l-opportunitajiet kollha possibbli biex ngħinukom tiksbu dak li tridu għall-futur tagħkom.”

“F’dawn il-logħob se nkunu warajhom, wara l-bandiera ta’ pajjiżna, għaliex mhux biss nemmnu fil-kapaċitajiet tagħhom, imma nafu li l-kapaċitajiet se jwassluhom għal aktar suċċessi.”

Intant, Talk.mt ħa l-kummenti taċ-Chairperson tal-Kumitat Organizzattiv tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar u Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar, li flimkien mat-tim kollu, ħadem qatigħ biex jassigura li dawn il-Logħob ikunu suċċess.
Huwa qal li: “Ovvjmaent, din hija festa li kulħadd ilu jistenna. Wara 20 sena, Malta, se terġa’ tospita l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Bla dubju ta’ xejn, dan se jkun l-akbar avveniment sportiv li se jkun qed jiġi organizzat matul dawn l-aħħar 20 sena. U allura l-aspettattiva hija għolja – l-aspettattiva hija li jkollna Ċerimonja tal-Ftuħ u tal-Għeluq li jkunu sbieħ ħafna … l-aspettattiva hija wkoll li jkollna l-organizzazzjoni tal-Logħob li tkun sabiħa ħafna.”

“U l-aktar ħaġa importanti hija li l-atleti jkollhom wirjiet tajba. Il-Gvern u SportMalta għamlu minn kollox biex lil-atleti jagħtuhom finanzjament bla preċedent u allura, issa qed nippretendi li minn hemmhekk joħroġ l-investiment u jagħti dividends tajbin u joħorġu l-aqwa riżultati possibli.”

Ekonomija

Sport