Monday, April 29, 2024

Imutu erba’ persuni wara li nqalbet dgħajsa f’Lago Maggiore

Aqra wkoll

Minn tal-inqas erba’ persuni tilfu ħajjithom wara li dgħajsa li kienet qed iġġorr madwar 25 passiġġier/a, inkluż turisti, għerqet wara riħ qawwi f’Lago Maggiore li tinsab fin-naħa ta’ fuq tal-Italja. Lake Maggiore, żona fin-Nofsinhar tal-Alpi, hija destinazzjoni popolari mat-turisti.

Skont rapporti fil-midja Taljana, jista’ jkun hemm xi persuni oħra kienu għadhom qegħdin jiġu rrappurtati nieqsa. Id-dgħajsa nqalbet il-Ħadd filgħaxija, waqt li kienet tinsab fiż-żona bejn Sesto Calende u Arona. 

Intqal li 19-il persuna rnexxielhom isalvaw. Madankollu t-tfittxijiet għal dawk irrapportati nieqsa kienu għadhom għaddejjin. Ħamsa minn dawk li salvaw kellhom jittieħdu wkoll l-isptar għal aktar kura.

Attilio Fontana, President tar-reġjun tal-Lombardia, iddeskriva l-inċident bħala wieħed “serju ħafna” u li seħħ minħabba l-maltemp. Id-dgħajsa kienet twila 16-il metru u kienet mikrija mit-turisti.

Ħafna mill-passiġġieri rnexxielhom jgħumu sal-art jew ġew salvati minn dgħajjes oħra. Bugħaddasa u anke ħelikopter intbagħtu fuq il-post sabiex jgħinu fit-tfittxijiet u anke ssejħu diversi ambulanzi.

Sport