Friday, December 13, 2024

Olaf Scholz, il-Kanċillier il-ġdid tal-Ġermanja

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Fit-8 ta’ Diċembru li għaddew, Olaf Scholz, il-kandidat li ppreżenta l-Partit Soċjal-Demokratiku fl-elezzjoni ġenerali li saret aktar kmieni din is-sena ħa l-ġurament għall-ħatra ta’ Kanċillier Ġermaniż. Huwa se jkun qiegħed jieħu post Angela Merkel fit- tmun tal-Ġermanja  wara li din tal-aħħar kienet ilha aktar minn sittax-il sena sservi f’ din il-kariga. Scholz sejjer ikun qiegħed imexxi koalizzjoni xellugija magħmula mis- Soċjal Demokratiċi, id-Demokratiċi Ħielsa kif ukoll mill-Partit tal-Ħodor. Din hija l- ewwel koalizzjoni magħmula minn tlett partiti f’ dawn l-aħħar ħamsin sena. Dawn it- tlett partiti għadhom kemm laħqu ftehim bejniethom fuq programm elettorali li huwa bbażat fuq il-manifest elettorali tal-Partit Soċjal Demokratiku, l-partit li ġab l-akbar ammont ta’ voti fl-elezzjoni li għadna kemm semmejna. Dan huwa  programm elettorali mimli miżuri soċjali li għalkemm huma pjuttost impenjattivi sabiex jiġu implimentati jidhru li huwa realistiċi. Fuq kollox, il-koalizzjoni l-ġdida se tkun qiegħda taffronta r-raba’ mewġa tal- Covid19 li bħalissa qiegħda iddur fuq fl-Ewropa. 

Min hu Olaf Scholz?

Olaf Scholz, li llum għandu 63-il sena, huwa avukat li jispeċjalizza fuq kwistjonijiet relatati max-xogħol. Fil-bidu tal- karriera politika tiegħu, huwa kien iħaddan ideoloġija Soċjalista ferm aktar estrema minn dik li jimxi fuqha llum. Bħal ħafna politiċi oħra tal- Partit Soċjal Demokratiku Ġermaniż, kif ukoll bħal ħafna politiċi oħra xellugin madwar l-Ewropa, matul iż-żmien, Scholtz beda kull ma jmur jersaq lejn iċ-ċentru tal- ispektru tal-ideoloġiji politiċi.

Scholz kiseb ħafna esperjenza politika ġewwa l-belt ta’ Hamburg fejn rebaħ diversi elezzjonijiet reġjonali. Però, matul il-kważi erbgħin sena li ilu fil-politika, mhux kollox kien ward u żahar għall-Kanċillier il-ġdid. Fis-sena 2004, Scholz kien ġie mneħħi minn kariga għolja fil-partit. Scholz ħa daqqa oħra fl- 2017, meta ġie kkritikat bl-aħrax għall- mod kif kien affronta sensiela ta’ protesti li kienu saru ġewwa Hamburg kontra l-G20. Fl-2019, huwa kien tilef l-elezzjoni fi ħdan il-partit tiegħu fit-taqtigħa għat-tmexxija tal- partit. Hawn ta’ min jgħid li b’differenza għal dak li aħna mdorrijin ġewwa pajjiżna, fil-Ġermanja, l-kandidati li jirrappreżentaw il-partiti fl-elezzjonijiet għall-kariga ta’ Kanċillier, li huwa l-ekwivalenti għall-kariga ta’ Prim Ministru, mhux bilfors ikun il- kap tal-partit. Filfatt, bħalissa l-partit ta’ Scholtz għandu żewġ mexxejja, li huma Saskia Esken u Lars Klingbeil. 

Olaf Scholtz kellu wkoll ħafna suċċessi matul il-karriera politika tiegħu fosthom żewġ rebħiet kbar fl-elezzjonijiet reġjonali appuntu ta’ Hamburg, kif ukoll meta kien serva b’ tant suċċess bħala Ministru tal-Finanzi u l-Vici Kanċillier ta’ Angela Merkel fil- koalizzjoni li kienet ġiet iffurmata bejn id-Demokristjani u s- Soċjal-Demokratiċi, koalizzjoni li kienet ġiet imlaqqma bħala l-‘Grand Coalition”. 

Naturalment, l-akbar suċċess ta’ Scholtz kienet ir-rebħa li kiseb il-partit tiegħu fl- elezzjoni li saret din is-sena meta huwa kien ikkontesta b’suċċess għall-aktar kariga politika importanti ġewwa l-Ġermanja jiġifieri dik ta’ Kanċillier. Dan is-suċċess mhux daqshekk mistenni wasal minkejja element kbir ta’ xettiċiżmu minn diversi attivisti u politiċi rinomati fi ħdan il-partit tiegħu fuq kemm Scholz jirrappreżenta l-politika Soċjalista tal-partit. Ta’ min jgħid li qabel ma ġiet approvata n-nomina ta’ Scholtz sabiex ikun il-kandidat tal-partit għall-kariga ta’ kanċillier, kien hemm numru sostanzjali ta’ politiċi mill-partit li kienu qalu li Scholtz ma huwa xejn għajr politiku konservattiv liebes il-ħwejjeġ ta’ wieħed Soċjalist.

It-talenti ta’ Scholtz

Minkejja kollox, ftit jeżistu dubji fuq il-kapaċitajiet ta’ Olaf Scholtz li jagħmluh l-aħjar suċċessur ta’ Merkel f’dik li hija kontinwazzjoni. Bħal Merkel, Scholz huwa magħruf għall-karattru kalm tiegħu kif ukoll għall-mod ta’ kif jaf jilħaq kompromessi fi kwistjonijiet politiċi jaħarqu. Filfatt, il-motto ta’ Scholz sa mill-bidu nett tal-karriera politika tiegħu huwa li “ma nissuppervjaw qatt u ma niġġieldu qatt”.

Meta Sholtz  kien il-Ministru tal-Finanzi, huwa wera l-kapaċità li jaddatta għas- sitwazzjoni u jibdel operati tradizzjonali. Dan ħareġ biċ-ċar matul il-pandemija meta Scholtz warrab kważi għal kollox r-regoli stretti ta’ kif jopera Ministru tal-Finanzi Ġermaniz rigward l-għajnuna għan-negozji u qassam il-biljuni sabiex jiġu mgħejjuna mijiet ta’ eluf ta’ negozji Ġermaniżi mid-daqqa tal-Covid19. Scholtz kien ukoll strumentali sabiex jitfassal il-pjan tal-Unjoni Ewropeja li huwa ntiż sabiex joffri għajnuna li kważi tlaħħaq it-€800 miljun lill-pajjiżi membri kontra l-Covid19. Naturalment, minbarra li dan is-suċċess bħala Ministru tal-Finanzi kien strumentali sabiex Sholtz rebaħ l-elezzjoni, dan joffri wkoll ċertu serħan il-moħħ ta’ kif il-Kanċillier il-ġdid mistenni jaffronta r-raba’ mewġa tal- Covid19 li qiegħda tolqot l-Ewropa bħalissa.

L-akbar sfida għal Scholtz

Minbarra l-Covid19, Scholtz għandu quddiemu numru mhux ħażin ta’ sfidi oħra li sejjer ikun qiegħed jaffronta matul din il-leġiżlatura. 

Fuq quddiem hemm l-implimentazzjoni tal-miżuri li din il-koalizzjoni mistennija ddaħħal sabiex jiġi kkontrollat it-tibdil fil-klima. Dawn jinkludu żieda drastika fl- enerġija rinovabbli li Scholtz ikkommetta ruħu li tilħaq it- 80% tal-energy-mix tal- Ġermanja sas-sena 2030. Naturalment, din il-wegħda li ġiet mbottata l-aktar mill- Partit tal-Ħodor tiswa’ ħafna flus u għalhekk taf taqla’ diżgwid mal-Partit tad-Demokratiċi Ħielsa, t-tielet partit li jifforma l-koalizzjoni, minħabba li dan tal-aħħar wiegħed li jnaqqas it-taxxi.

Miżuri oħra impenjattivi li mistennija joffru sfida għall-Scholtz sabiex jiġu attwati huma dawk li kienu jifformaw il-bażi tal-programm elettorali tal-partit tiegħu, jiġifieri dik li jżid il-paga minima u li kull sena jinbnew kwai nofs miljun appartament residenzjali ġdid. Minħabba li Scholtz huwa magħruf li ma jwiegħed xejn li ma jistax jitwettaq, il- poplu Ġermaniż huwa kunfidenti li dawn iż-żewġ miżuri soċjali huma ferm aktar possibbli li jitwettqu minħabba li ħareġ bihom Scholtz.

Minkejja li l-ħatra ta’ Scholtz ġabet magħha ċertu ottimiżmu ġdid fost il-poplu Ġermaniż, minbarra t-tmexxija tal-Ġermanja irid jieħu l-irwol li kellha Merkel bħala l-politiku li jsolvi l-kriżijiet internazzjonali li jkollha ta’ spiss l-Unjoni Ewropeja kemm fost il-membri tagħha, bħal dawk li bħalissa għandha l-Unjoni Ewropeja mal-Polonja u l-Ungerija, kif ukoll ma’ pajjiżi oħra madwar id- dinja bħal dik li bħalissa qiegħda tinħema mar-Russja ta’ Putin rigward il-kwistjoni mal-Ukrajna. Fl-isfera internazzjonali, Scholtz għadu jrid jikseb il-fiduċja tal-membri l-ohra tal-Unjoni jekk huwiex tal-istess stoffa ta’ Merkel sabhiex isolvi kriżijiet simili. Żgur li l-okkażjonijiet sabiex Scholtz juri l kapaċitajiet tieghu fl-isfera internazzjonali m’humiex nieqsa. 

Ekonomija

Sport