Friday, December 27, 2024

Olimpjadi: Kumitati tal-pajjiżi Nordiċi ma jridux li r-Russi jitħallew jikkompetu f’Pariġi 2024

Aqra wkoll

Il-kumitati Olimpiċi ta’ ħames pajjiżi Nordiċi appoġġjaw sejħiet biex is-sospensjoni fuq l-atleti Russi u Belarussi tibqa’ fis-seħħ għal-Logħob ta’ Pariġi 2024.

Fi stqarrija konġunta l-kumitati tal-Finlandja, Islanda, Norveġja, Svezja u d-Danimark qalu: “Bla dubju, li mhuwiex żmien tajjeb biex jiġi kkunsidrat ir-ritorn tal-atleti Russi u Belarussi.”

Huma għamlu din is-sejħa wara li l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali qal li r-Russi u l-Belaruss jistgħu jitħallew jikkompetu bħala newtrali.

L-Ukrajna heddet li tibbojkottja l-Olimpjadi ta’ Pariġi jekk dak il-pjan jimxi ‘l quddiem.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Latvja, il-Litwanja, l-Estonja u l-Polonja kollha esprimew il-oppożizzjoni tagħhom għall-inklużjoni ta’ atleti mir-Russja u l-Belarus, li ġew sospiżi wara l-invażjoni tal-Ukrajna fi Frar tal-2022.

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Latvja qal li jkun “inaċċettabbli” li atleti miż-żewġ pajjiżi jipparteċipaw fl-2024, filwaqt li l-Ministru tal-Isport u t-Turiżmu tal-Polonja jemmen li mal-40 pajjiż jistgħu jibbojkottjaw l-Olimpjadi li jmiss – biex b’hekk l-avveniment kollu jkun “bla sens”.

Il-Kumitati Nordiċi Olimpiċi u Paralimpiċi u l-Konfederazzjonijiet tal-Isport qalu li riedu jaffermaw mill-ġdid “l-appoġġ sod tagħhom mal-poplu Ukren u t-talba għall-paċi”.

“Is-sitwazzjoni bil-gwerra fl-Ukrajna ma nbidlitx. Issa mhux iż-żmien it-tajjeb biex nikkunsidraw ir-ritorn tagħhom. din hija l-pożizzjoni tagħna,” temmew jgħidu.

Il-KOI talab lill-federazzjonijiet biex jeskludu atleti mir-Russja u l-Belarus wara l-invażjoni tal-Ukrajna u ssospenda  lin-nazzjonijiet mill-Paralimpjadi tax-Xitwa f’Marzu 2022 – għalkemm l-atleti tħallew jikkompetu taħt bandiera newtrali.

Barra minn hemm tħabbru aktar sanzjonijiet fuq sports oħra, fosthom il-football, ​​ir-rugby, il-Formula Wieħed, iċ-ċikliżmu u l-għawm, filwaqt li fit-tennis, l-atleti Russi u Belarussi ġew sospiżi milli jilagħbu f’Wimbledon.

Madankollu, l-KOI qal ix-xahar li għadda li se “jesplora triq” għall-atleti miż-żewġ nazzjonijiet biex jikkompetu f’Pariġi 2024.

Dik il-mossa ġiet ikkritikata fi stqarrija konġunta mill-’Athletes for Ukraine’ u l-assoċjazzjoni tal-atleti ‘Global Athlete’, li qalet li d-deċiżjoni turi li l-KOI “japprova l-gwerra brutali tar-Russja u l-invażjoni tal-Ukrajna”.

Ekonomija

Sport