Saturday, October 26, 2024

Olimpjadi tax-Xitwa: Ir-Russa Kamila Valieva tingħata l-permess biex tibqa’ tipparteċipa minkejja li nstabet pożittiva għad-doping

Aqra wkoll

Iż-żagħżugħa skater Russa, Kamila Valieva, ingħatat il-permess biex tkompli tikkompeti fl-Olimpjadi tax-Xitwa ta’ Beijing minkejja li kienet pożittiva għal droga pprojbita.

L-atleta ta’ 15-il sena ngħatat il-dawl aħdar f’sentenza tal-Qorti tal-Arbitraġġ għall-Isport (CAS) li qalet li s-sospensjoni tagħha tirriskja li tikkawża liż-żagħżugħa ‘ħsara irreparabbli’ – deċiżjoni li qajmet rabja kbira. 

Valieva saret l-ewwel atleta femminili f’dawn l-Olimpjadi li għamlet qabża kwadrupla biex rebħet id-deheb għat-tim Russu l-ġimgħa li għaddiet.

Iżda l-għada, iċ-ċerimonja tal-midalja twaqqfet meta riżultati minn test fil-25 ta’ Diċembru tas-sena l-oħra sabu li kienet ħadet is-sustanza pprojbita, trimetazidine, li tista’ ttejjeb il-prestazzjoni.

Madankollu, it-Tnejn,  il-CAS  qalet li jkun inġust li tissospendiha mill-Olimpjadi biż-żagħżugħa titqies bħala ‘persuna protetta’ taħt il-Kodiċi Dinji ta’ Kontra d-Doping. Il-panel qal li għandha tkompli tipparteċipa minħabba ċ-‘ċirkostanzi eċċezzjonali’ tal-każ tagħha.

Valieva issa hija ħielsa li tieħu sehem fil-kompetizzjoni individwali fil-figure staking tat-Tlieta, li fiha hija favorita għad-deheb. L-awtoritajiet dinjija tal-iskating se jiddeċiedu jekk il-midalja tad-deheb tat-tim hijiex valida jew le, fi proċess li jista’ jieħu xhur biex jitlesta.

Id-deċiżjoni ntlaqgħet b’rabja mill-Kumitat Olimpiku tal-Istati Uniti (USPOC) li ddeskriva d-deċiżjoni bħala ‘kapitlu ieħor fin-nuqqas ta’ attenzjoni sistemika u mifruxa għall-isport nadif mir-Russja’.

L-Istati Uniti kellhom jingħataw id-deheb u l-Ġappun il-fidda kieku r-Russja kienet instabet ħatja.

L-Aġenzija Dinjija Kontra d-Doping qalet li kienet diżappuntata bid-deċiżjoni filwaqt li l-eks champion Olimpika Amerikana, Tara Lipinski, kitbet fuq Twitter: ‘Fl-aħħar tal-ġurnata, kien hemm test pożittiv u m’hemm l-ebda dubju f’moħħi li m’għandhiex titħalla tikkompeti … irrispettivament mill-età jew iż-żmien tat-test jew riżultat. Nemmen li dan se jħalli tebgħa permanenti fuq l-isport tagħna.’

Sport