Thursday, March 14, 2024

“Mhijiex vijabbli li jkollna pajjiż bla agrikoltura għalhekk jeħtieġ li nindirzzaw l-isfida tal-għoli tal-ġwież”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-President tal-kumitat tar-Raħħala Noel Fenech b’reazzjoni għall-intervista dwar l-isfidi li qegħdin jaffaċċjaw ir-raħħala

Wara li aktar kmieni ppubblikajna l-intervista sħiħa li dan is-sit għamel mal-Ministru Anton Refalo rigward l-isidi tal-bdiewa u r-raħħala Maltin, dan is-sit ikkuntattja wkoll lill-President tal-Kumitat tar-raħħala biex jieħu r-reazzjoni tiegħu.

Min-naħa tiegħu, Noel Fenech qalilna li minkejja li dejjem sabu l-bibien miftuħin min-naħa tal-gvern, il-problema tal-ġwież qiegħda tkisser lil kull min irabbi l-bhejjem. Huwa qalilna li l-Koperattiva tar-raħħala ilha għaddejja bid-diskussjonijiet mal-gvern għal dawn l-aħħar 12-il xahar, iżda s’issa jidher li qiegħed ikun hemm oppożizzjoni min-naħa tal-Unjoni Ewropea biex dawk li jrabbu l-bhejjem jingħataw sussidju li jagħmel tajjeb għall-għoli fil-prezzijiet tal-għalf.

“Ma jistax ikun li nibqgħu nkarkru saqajna, jekk se jsir hekk se jkun tard wisq għax r-raħħal ma jiflaħx iżjed għal din iż-żieda fil-prezzijiet. Jekk jintlaħaq dan il-ftehim ta’ ssussidjar se jkun qiegħed igawdi wkoll il-konsumatur għax inkunu nistgħu nżommu l-prezzijiet stabbli u fl-istess waqt noffru prodotti lokali u ta’ kwalità superjuri minn dawk impurtati”, kompla Fenech.

Rigward il-kompetizzjoni ma’ prodotti barranin, Fenech tkellem dwar klawżola li tissalvagwardja l-prodott lokali u jeħtieġ li din il-klawżola tibda titħaddem aħjar, għall-ġid tar-raħħala kif ukoll il-konsumatur li jkun jista’ jikkonsma prodott lokali, frisk u bnin. Barra minn hekk, jeħtieġ li l-poplu Malti u Għawdxi jifhem aħjar l-impenn tar-raħħal lokali u l-ispejjeż kbar li jkollu jonfoq ta’ kuljum. 

“Illum il-ġurnata r-raħħala għandhom sfida oħra bl-impurtazzjoni tal-aqwa magħlef minn barra biex il-merħla tkun tista’ tipproduċi ħalib ta’ kwalità superjuri. Barra minn hekk saru investimenti kbar fl-irziezet biex anke l-kumdità tal-bhejjem tiżdied u awtomatikament togħla l-kwalità wkoll”, kompla Fenech.

Il-President tal-kumitat tar-raħħala sostna li problema oħra li l-konsumatur mhuwiex mgħarraf biżżejjed dwar il-kwalità tal-ħalib lokali u dak li ġej minn barra. Huwa kellu kliem ta’ tifħir għat-tnedija tal-aġenzija tal-ikel, iddeskrivieha bħala pass pożittiv, iżda esprima x-xewqa li jsir aktar. Fenech spjega magħna li jeħtieġ li ssir xi forma ta’ analiżi li ma tippermettix li jibqa’ dieħel kollox f’pajjiżna. Il-poplu għandu jingħata għarfien dwar id-differenza fil-livell bejn il-prodott lokali u dak impurtat biex ikun jista’ jifhem aħjar il-varjetà ta’ prodotti bnini li tipproduċi l-fabbrika Maltija.

Fenech temm jirringrazzja lill-amministrazzjoni preżenti għas-sostenn tagħhom f’dan is-settur biex seta’ jintlaħaq ċertu qbil bejn iż-żewġ partijiet b’dik l-aktar riċenti tkun tat-titlu tal-art lill-bdiewa u r-raħħala li se tgħin biex ikompli dan iċ-ċiklu.

Ekonomija

Sport