L-abbuż m’hux biss marbut mal-ħaddiema, imma infirm ukoll lejn il-qraba tagħhom.
Indjani li tkellmu ma’ IT-TORĊA urewna kif kienu qegħdin jintalbu ħlasijiet biex aġenti iġibulhom qraba f’Malta.
“Qegħdin jitolbuna ħlas ta’ €1,000. Dan biex inġibu draba tagħna f’Malta u jkollhom xogħol hawn. Ħallasna il-flus. Għaddew diversi xhur u ma smajna xejn mingħandhom. Ħallasna l-flus, u qegħdin nippruvaw nikkuntattjawhom iżda m’hu jkollna ebda sodisfazzjon. L-€1,000 li qegħdin nintalbu nħallsu huma bħala ħlas għas-servizz ta’ dawn il-persuni biex suppost jagħmlu l-kuntatti u jaraw li l-persuni jinġabu u jkollhom xogħol. Inkwetati ħafna, għax minkejja li ħallasna dawn il-flus, sa issa ma sar xejn”.
Tlett żgħażagħ maskili u mara juruna is-suppost kuntratti u dokumenti li ngħataw. Naraw id-dokumenti u fihom tara l-isem ta’ kumpaniji li qegħdin jintużaw u li jitolbu dawn il-flus biex iġibu persuni u qraba ta’ Indjani f’Malta għax-xogħol. Nistaqsihom kif wettqu l-ħlas u jkunu pronti juru ir-Revolut, li fih hemm il-ħlas li sar xhur ilu. Ħlas ta’ €1,000 għal kull persuna li kellha tiġi taħdem hawn.
Nitkellmu mal-persuni femminili (se nżommu l-identità tagħha mistura minħabba l-kunfidenzjalità). Dwar kif ġiet f’kuntatt ma’ dawn in-nies li qegħdin jintalbu dawn il-flejjes, il-persuna tgħidilna li “jien kien qalli bihom persuna minn Nepal li kien jafhom. Jien għamilt kuntatt magħhom u qaluli li jistgħu iġibu l-familja tiegħi. Qalilna li l-ħlas għal dan is-servizz, hu ta’ €1,000. Dawn iwegħduk li meta tiġi hawn se jkollok ukoll xogħol. Ħallast il-flus bir-revolut, imma għaddew issa ammont ta’ xhur u ma sar xejn.”
Nistaqsuha għamlitx kuntatti ma’ dawn il-persuni li ħadu dawn il-flus, u hi tgħidilna li “iva għamilt kuntatt magħhom diversi drabi. Huma dejjem jgħiduli li ma jafux meta se jinġabu f’Malta. Meta staqsejtu għalfejn ħallast €1,000 qalli li dan sar bħala ħlas għas-servizz tiegħu biex applikaw ma’ Identity Malta.”
Ħallset €3,000 għal tlett ħutha….dan seħħ tmien xhur ilu
Ħaddiema oħra turina l-ħlasijiet li għamlet. B’kollox €3.000. Nistaqsuha għaliex €3,000 u hi twieġeb li “dawn għat-tlett ħuti. Wegħduhom xogħol u li jinġabu hawn. Baqa’ ma sar xejn”.
Induru fuq il-persuni l-oħra. Jitkellmu dwar kif huma ukoll ħallsu l-flus biex jinġabu xi qraba iżda għaddew ix-xhur u baqgħu ma ġewx. Dawn ukoll m’għandhom ebda ħjiel ta’ meta dawn se jinġabu f’pajjiżna.
Jgħidulna li nippruvaw nagħmlu kuntatt ma’ dawn il-persuni u mhux dejjem hu faċli li titkellem magħhom. Jgħidulna biex “nistennew għax bħalissa mhux faċli li ssib xogħol għal dawn il-persuni. Sadanittant jgħaddu ix-xhur u aħna nibqgħu nistennew”, jgħidu l-ħaddiema.
Ritratt: Chris Sant




