L-attakkant ta’ Franza, Olivier Giroud, 37 sena, se jingħaqad mat-team tal-Major League Soccer, Los Angeles FC, meta fi tmiem l-istaġun iħalli lil Milan. L-eks ta’ Arsenal u Chelsea ffirma ma’ LAFC sal-2025 iżda għandu l-għażla li jestendi għal sena oħra.
L-internazzjonali Franċiż Giroud qatta’ tliet snin f’San Siro u għen lil Milan jerfgħu t-titlu tas-Serie A fl-ewwel staġun tiegħu. Giroud lagħab 131 logħba għal Franza, huwa l-aqwa skorer tagħhom ta’ kull żmien b’57 goal, u fl-2018 rebaħ it-Tazza tad-Dinja.