Sunday, February 8, 2026

Omm b’appell biex l-effetti tal-kontraċettivi tan-nisa jkunu aktar ċari fuq il-kaxxa tal-pillola

Aqra wkoll

Omm ta’ tfajla li mietet f’daqqa wara li sofriet embolu tad-demm ikkawżat mill-pillola kontraċettiva qed titlob li l-kaxxa li fiha jkun hemm il-pilloli jkun fih twissijiet aktar ċari.

Áine Rose Hurst, ta’ 19-il sena, minn Bolton fir-Renju Uniti, mietet minħabba kumplikazzjonijiet ikkawżati mill-pillola kontraċettiva.

Fix-xhur ta’ qabel tilef ħajjitha, hija kienet waqqfet tiegħu din il-pillola minħabba li t-tobba kienu sab li kellha pressjoni għolja, iżda għal xi raġuni, it-tfajla reġgħet bdiet tieħu l-istess pillola.

Ommha, Kerry Hurst, waqt li kienet qiegħda titkellem mal-midja Ingliża qalet li wisq nisa żgħażagħ mhumiex konxji tal-effetti sekondarji tal-pillola li jistgħu jkunu ta’ periklu għall-ħajja, u issa qed titlob li fuq il-kaxxa tal-pilloli jkun hemm twissijiet aktar ċari.

Hija qalet “qatt mhu se nerġgħu niksbu lil Áine lura, imma jekk nistgħu nagħmlu differenza fil-ħajja ta’ xi ħadd ieħor, u nwaqqfu dan milli jerġa’ jiġri, allura nittama li dan huwa dak li nistgħu nagħmlu.”

Il-familja minn dakinhar bdiet il-Fondazzjoni għas-Sigurtà Kontraċettiva Áine Rose bit-tama li żżid l-għarfien dwar l-effetti sekondarji potenzjali tal-pillola.

L-omm tgħid li minflok il-kontraċettiv orali jiġi biss b’fuljett twil ta’ informazzjoni dwar is-sigurtà li ‘kulħadd jarmi’, il-fondazzjoni tixtieq tara l-pakketti tal-pilloli nfushom juru twissijiet dwar l-effetti sekondarji possibbli aktar serji.

Hurst qalet li “l-pilloli kontraċettivi ta’ Áine ġew b’dokument ta’ 102 paġna b’effetti sekondarji fuqu. Iżda t-tfajliet ma tantx jaqrawhom – dan għandhom jinbidel.”

Kien fit-8 ta’ Marzu tas-sena l-oħra meta Áine l-għada li kienet ħarġet ma’ sħabha kienet qamet b’uġigħ ta’ ras. Dakinhar kienet qalet li kellha hangover.

Iżda jumejn wara, l-uġigħ ta’ ras xorta ma kienx naqas anke wara li ħadet l-painkillers.

Áine kienet ittieħdet b’urġenza lejn l-Isptar Royal Bolton wara li ma baqgħetx f’sensija u bdiet turi sinjali li kienet qiegħda tmut.

Hawnhekk it-tobba skoprew embolu tad-demm f’moħħha, li ddeċidew li ma setgħux jintervjenu minħabba d-daqs u l-post fejn kien.

“Qalulna li kieku kellha tibqa’ ħajja, probabbli ma kinitx tkun l-istess persuna,” tgħid ommha mal-midja Ingliża.

Tgħid li wara aktar testijiet mediċi, rriżulta li ma kien hemm l-ebda rispons fil-moħħ u allura t-tobba ddeċidew li jitfu l-magni. Hija mietet ftit tal-ħin wara.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport