Sunday, December 22, 2024

Omm kienet tieħu d-droga quddiem bintha u magħha

…il-bint ħatja bi mġiba aggressiva wara argument dwar droga.

Aqra wkoll

Tfajla ta’ 18-il sena tpoġġiet taħt ordni ta’ probation għal żmien tliet snin wara li nstabet ħatja li f’Ottubru li għadda heddet lil ommha u kisritilha l-mobile wara argument dwar droga.

Fl-istess kawża, instema’ kif l-omm kienet saħansitra tieħu d-droga quddiem bintha u magħha, bil-Qorti tgħid li kienet tistenna li l-omm tgħin lil bintha u mhux tabbuża mid-droga fil-preżenza tagħha filwaqt li kellha wkoll teħodha għall-għajnuna.

Fix-xhieda tagħha fil-Qorti, l-omm spjegat li meta bintha kienet tkun taħt l-effett tad-droga, issir persuna totalment differenti, titlef moħħha u tħebb għaliha u kienu dejjem jispiċċaw jiġġieldu ħafna bejniethom.

Xehdet ukoll li meta kienu jseħħu dawn l-episodji, kienet tħossha mdejqa u kienet tibża’ li bintha kienet se tagħmlilha xi ħaġa jew tagħtiha xi daqqa hi stess.

Fil-Qorti ħareġ ukoll li d-dipendenza tal-imputata mid-droga tant kienet akuta li wasslet ukoll biex hija titlef l-opportunità li trabbi, għalissa, hija stess it-tarbija tagħha li tpoġġiet taħt il-kura tal-istat.

Dwar l-inċident tat-2 ta’ Ottubru 2022, l-omm tgħid li bintha kienet talbitha l-flus biex tixtri d-droga iżda ma riditx ittiha u spiċċat issabbat u tagħmel ħafna storbju għaliex skont ommha, ma kellhiex biex tixtri d-droga.

Min-naħa l-oħra, it-tifla allegat li ommha kienet tieħu d-droga magħha u li ommha ħalfet falz quddiem il-Qorti għaliex ir-raġuni li kienu ġġieldu fit-2 ta’ Ottubru kienet li ommha “ħbiet il-coke” u minħabba f’hekk li ħassitha ndannata.

Fi kliemha, ommha bdiet tniżżilha aktar u allegat li kien tort tagħha li tinsab f’din is-sitwazzjoni, anke għaliex kienet tagħtiha l-flus biex tixtri d-droga. Hija ċaħdet li fit-2 ta’ Ottubru 2022 heddet lil ommha li se titfgħalha l-aċtu u stqarret li dak il-kliem kienet qalitulha ħafna żmien qabel.

It-tifla ammettiet iżda li offendietha għaliex ommha kienet offendietha hi stess u weġbitha lura u fissret li ommha wkoll tkun aggressiva meta tkun taħt l-influwenza tad-droga.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li din hija storja pjetuża u traġika dwar l-effetti diżastrużi tad-droga fuq l-emozzjonijiet u l-psikoloġija ta’ min jabbuża mid-droga u fuq ir-relazzjonijiet personali tiegħu mal-persuni l-aktar viċini tiegħu li xi kultant jiġu kostretti jaġixxu kontra qalbhom għall-ġid tiegħu.

Il-Qorti tgħid li l-inċident inkwistjoni nibet mill-abbuż tad-droga u xejn iktar. Osservat ukoll li għalkemm l-allegazzjonijiet tal-imputata fil-kontront ta’ ommha huma serji ħafna, il-verżjoni tagħha fir-rigward ma ġietx kontradetta u dan minkejja li ommha kienet ikkostitwiet ruħha parti offiża f’dawn il-proċeduri.

“Il-Qorti, filwaqt li tqis din l-istorja hija waħda ta’ tħassib ferm għaliha, ma tistax ma tirrimarkax li kienet tistenna li l-parti offiża l-ewwel u qabel kollox kellha tagħmel il-parti tagħha biex tgħin lil bintha u dan billi ma tabbużax mid-droga fil-preżenza tat-tifla tagħha u teħodha għall-għajnuna, u mhux tieħu d-droga quddiemha u magħha, u mbagħad tirrapporta lil bintha għaliex id-droga kien qed iġġiegħlha taġixxi aggressivament.”

F’dak li jirrigwardja piena, il-Qorti kkunsidrat l-età żgħira tal-imputata u l-fatt li dan l-episodju tnissel minn dipendenza qawwija fuq id-droga u anke r-retroxxena tal-problemi tal-imputata u t-trobbija xejn xierqa li jidher li kellha.

Tat ukoll importanza fuq kollox għall-fatt li jirriżulta li t-tifla qiegħda tagħraf l-importanza tar-rijabilitazzjoni tagħha u qiegħda turi motivazzjoni reali sabiex ittejjeb ħajjitha. “Il-Qorti għandha fiduċja li l-imputata għandha l-ħila u l-kapaċità li tirrealizza dan iżda hu essenzjali li tkompli tirċievi l-għajnuna f’ambjent strutturat għaż-żmien kollu li jkun meħtieġ biex ir-rijabilitazzjoni tagħha tkun effettiva u kompluta.”

Kien għalhekk li l-Qorti poġġietha taħt ordni ta’ probation u anke taħt ordni ta’ trattament għal tliet snin. Dan filwaqt li rabtet lill-ħatja b’obbligazzjoni tagħha nnfisha, sabiex iżomm il-paċi m’ommha taħt penali ta’ €1,000.

Ekonomija

Sport