Sunday, May 19, 2024

L-AKBAR RIFORMA FIL-QASAM TAL-KOSTRUZZJONI

Aqra wkoll

Permezz tal-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Gvern Laburista qed iwettaq l-akbar riforma fil-qasam tal-kostruzzjoni. Riforma li qatt ma twettqet qabel f’pajjiżna.

Dan qed jagħmlu permezz tal-liċenzjar tal-kuntratturi. Kull kuntrattur issa se jkollu liċenzja. Mingħajr din il-liċenzja, ma jkunx jista’ jaħdem.

Meta vara din ir-riforma, il-Ministru responsabbli minn dan is-settur, Stefan Zrinzo Azzopardi, xebbah din ir-riforma ma’ sitwazzjoni fejn persuna tista’ tkun taf issuq karozza, iżda mingħajr liċenzja tas-sewqan ma tistax tagħmel dan. Dan, issa, se japplika għall-kuntratturi fil-qasam tal-kostruzzjoni.

Din ir-riforma ġiet wara xhur ta’ konsultazzjoni ma’ dawk kollha midħla ta’ dan is-settur, u issa, minn dan ix-xahar ta’ Ġunju, sa Ottubru 2023, kull kuntrattur irid japplika biex jikseb il-liċenzja.

Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq kif sal-lum, l-awtoritajiet isegwu x-xogħlijiet li jkunu għaddejjin u fejn ikun hemm ksur tar-regolamenti jimponu multi.

Filwaqt li dan l-infurzar se jibqa’ fis-seħħ, madanakollu spjega kif il-kultura li jeħtieg tinħoloq hija kultura ta’ konformità. B’dan il-mod il-kuntratturi, iwettqu xogħlhom b’rispett sħiħ lejn il-liġijiet u saħħet, u ħajjet, in-nies u dan jagħmluh b’sens ta’ responsabbiltà u mhux biss għax l-awtoritajiet jistgħu jimponu multi fin-nuqqas ta’ dan.

Iċ-ċittadini Maltin u Ghawdxin jeżiġu li jgħixu fi djarhom b’moħħom mistrieħ. Il-ħaddiema, fil-qasam tal-kostruzzjoni, għandhom id-dritt li jwettqu ħidmiethom b’mod sigur. Il-Gvern ta’ widen għal dan u ħa azzjoni, l-akbar azzjoni, u l-akbar riforma, li qatt twettqet f’dan is-settur.

Wara din ir-riforma, tidħol fis-seħħ riforma oħra meħtieġa, dik li kull ħaddiem fil-qasam tal-kostruzzjoni jkollu Skill Card – ċertifikat li jkun jixhed il-ħiliet li jkollu, u li jeħtieġ ikollu, kull ħaddiem f’dan il-qasam. Anke dan huwa pass ieħor importanti biex titħares saħħet, u ħajjet, il-ħaddiem u tagħti serħan il-moħħ lill-ġirien fejn tkun qed isseħħ attività ta’ kostruzzjoni.

Il-poplu Malti jixraqlu l-aħjar. Is-settur tal-kostruzzjoni jibqa’ kruċjali għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Iżda dan is-settur jeħtieġ li jitmexxa b’aktar galbu u, fuq kollox, b’aktar sigurtà.

Għalhekk din ir-riforma, li tant intlaqgħet tajjeb, minn kullħadd ħief, bħas-soltu, mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista, li hi biss ma ħaditx sehem fil-process ta’ konsultazzjoni ppubblika.

Iżda Gvern Laburista mmexxi, mill-Prim Ministru Robert Abela, jibqa’ impenjat li jagħti lill-poplu Malti u Għawdxi serħan il-moħħ.

Sport