Monday, May 6, 2024

Raġel arrestat wara li daħal mgħammad u b’sikkina biex jisraq minn ħanut f’Raħal Ġdid

Aqra wkoll

Għall-ħabta tad-9:00 p.m. tal-bieraħ intalbet l-assistenza tal-Pulizija hekk kif raġel suspettuż liebes hoodie u maskra daħal f’ħanut fi Triq Ħaż-Żabbar, Raħal Ġdid.

Il-Pulizija marret mill-ewwel fuq il-post u kif daħlu fil-ħanut sabu lill-kaxxiera, li kienet tidher imbeżżgħa, kif ukoll lir-raġel. Ir-raġel mill-ewwel ħareġ jiġri ‘l barra bil-Pulizija ġrew warajh u bdew ituh ordnijiet biex jieqaf iżda huwa injora l-ordnijiet.

Il-Pulizija rnexxielha taqbdu imma hu baqa’ jirreżisti. Waqt li kien qed jirreżisti innutaw li kellu sikkina fuqu, u għalhekk kellu jintuża t-taser biex ir-raġel jiġi kkontrollat u jiġi arrestat.

Minn stħarriġ li sar jidher li r-raġel, li ġie identifikat li għandu 23 sena u residenti l-Marsa, kien daħal fil-ħanut, hedded lill-kaxxiera, mara ta’ 27 sena, b’sikkina u talabha l-flus, iżda f’dak il-ħin waslu eżatt il-Pulizija.

Fortunatament ħadd ma weġġa’.

L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Sport