Saturday, May 18, 2024

Omm maqtula u mgħollija f’galdarun quddiem uliedha

Ir-raġel tal-vittma huwa s-suspettat fil-qtil u qiegħed jaħrab mill-awtoritajiet

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Nisimgħu b’ħafna każijiet ta’ qtil xokkanti li juru kemm in-natura tal-bniedem tista’ tasal f’atti estremi ta’ krudeltà iżda wieħed li seħħ fil-Pakistan huwa ta’ kategorija għalih. Dan il-każ ta’ femiċidju seħħ fil-Pakistan, eżattament f’Gulshan-e-Iqbal, fejn allegatament ir-raġel qatel lil martu billi l-ewwel fgaha b’imħadda u mbagħad, quddiem is-sitt itfal tagħhom, għalla l-kadavru tagħha f’galdarun.

L-aħbar irrapportata fuq “The International News” ħarġet wara li l-awtoritajiet kienu fi tfittxija għas-suspettat li qiegħed jipprova jaħrab minn id il-ġustizzja. 

Il-ġisem tal-mara, Nargis li kellha 32 sena, instab fil-kontenitur tal-ħadid fi kċina ta’ skola privata li tinsab fi blokka ta’ bini f’Gulshan-e-Iqbal. Il-pulizija ta’ Mobina marru fl-iskola wara li bint il-vittma li għandha biss 15-il sena, ċemplet il-linja diretta għall-assistenza tagħhom. Il-pulizija ħadu lill-mejta fiċ-ċentru mediku “Jinnah” għall-formalitajiet mediċi u legali.

Minn informazzjoni mogħtija fl-investigazzjoni pre eliminari, is-Surġent tad-distrett Abdur Rahim Sherazi qal lil “The News” li r-raġel tal-vittma, Ashiq, kien jaħdem bħala gwardjan fl-istess skola u li l-familja kienet tirrisjedi fil-kwartieri tal-impjegati ta’ din l-iskola. 

Huwa qal li l-iskola kienet ingħalqet madwar tmien jew disa’ xhur qabel. Wara dan l-omiċidju tal-biżgħa, is-suspettat ħarab bi tlett itfal minn tal-koppja, mentri t-tlieta l-oħra huma taħt idejn il-pulizija. Min-naħa tiegħu s-surġent Sherazi kkonferma li t-tfal jinsabu siguri magħhom iżda jinsabu “fi stat trawmatiku u huma xxokkjati ħafna”.

Huwa qal li mill-investigazzjonijiet inizjali u mill-istqarrijiet tat-tfal, jidher li s-suspettat l-ewwel faga lil martu b’imħadda u mbagħad għalliha f’galdarun quddiem uliedhom stess. Waħda mis-saqajn tal-vittma hija rrapportata li ġiet maqtugħa minn postha.

Ir-raġuni għal dan l-omiċidju ikrah għadha mhiex ikkonfermata però jingħad li allegatament ir-raġel sforza lil martu biex ikollha relazzjonijiet illeċiti u spiċċa qatilha wara li din irrifjutat li tobdih.

Sport