Stephanie Hansen, mara ta’ 32 sena f’Washington, welldet tlett itfal f’temp ta’ 12-il xahar. Hija tirrakkonta li kellha tewmin ftit ġimgħat biss wara t-twelid tal-ewwel tarbija. L-ewwel tarbija bl-isem ta’ Daphne twieldet fit-28 ta’ Jannar 2020. Propju fit-8 ta’ Diċembru tal-istess sena twieldu t-tewmin Rubie u Penelope.
It-tieni tqala kienet ta’ sorpriża kbira għal Hansen, u hija tistqarr li malli saret taf bl-aħbar, l-ewwel ħsieb tagħha mar fuq iċ-ċkejkna Daphne, għaliex tgħid li “Vera qed inħossni ħażin li mhux se jkolli biżżejjed ħin waħdi magħha sabiex inkunu nistgħu ngawdu lil xulxin”. Għalhekk hija tistqarr li għall-bidu din l-aħbar tat-tqala nisslet fiha daqsxejn dispjaċir.
Daphne kienet ferħana se ttir malli rat lil ħutha għall-ewwel darba, tant li xtaqet tmur tgħannaqhom. Hansen tirrakkonta kif 15-il xahar wara, it-tlett ibniet saru qishom ħaġa waħda.
It-tfal ta’ Hansen huma minn missirijiet differenti. Filwaqt li ma ssemmix jekk għadhiex f’kuntatt ma’ missier it-tifla l-kbira, hija tispjega li għadha f’kuntatt tajjeb ma’ missier it-tewmin u li qed jaqsmu t-trobbija u r-responsabiltà tat-tfal flimkien, minkejja li bħala ġenituri qed jgħixu fi djar separati.
L-omm qed tagħmel użu minn TikTok sabiex taqsam mas-segwaċi tagħha l-esperjenza tagħha ta’ co-parenting u tispjega wkoll kif jirnexxilha tlaħħaq ma’ tlett itfal li huma tampar xulxin.
Minkejja l-ostakli li tiltaqa’ magħhom, l-omm tistqarr li qatt ma ħassitha kuntenta f’ħajjitha daqskemm tinsab kuntenta llum il-ġurnata, u lejn l-aħħar tal-intervista ssostni li wliedha huma l-isbaħ ħaġa li qatt ġratilha f’ħajjitha.