Saturday, December 28, 2024

“Ommi għexet biex tara lili u lil missieri kuntenti”

Aqra wkoll

Sogħba kbira għat-telfa ta’ Doriette Darmanin … mara b’qalb kbira li dejjem għenet lill-morda u kienet ta’ ispirazzjoni għal ħafna

Minn CARMEN CACHIA

L-aħbar tat-telfa ta’ Doriette Darmanin, mart is-Segretarju tat-Taqsima GWU Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni David Darmanin, waslet għal sogħba kbira fost ħafna b’mod speċjali għal familjari, ħbieb u dawk kollha li b’xi mod Doriette missitilhom ħajjithom b’mod pożittiv. Doriette hija deskritta minn binha Karl bħala omm u mara eżemplari li dejjem għenet lil ħafna nies u li ddedikat ħajjitha biex tara lilu u lill-missieru kuntenti.

Doriette Darmanin ħallietna fi tmiem il-ġimgħa fl-età ta’ 56 sena. Kienu bosta dawk li bagħtu messaġġi ta’ kondoljanzi b’mod partikolari mill-General Workers’ Union tal-kumpanija Union Print u l-Marigold Foundation li kienet tant attiva fiha. 

“Kienet mara ta’ ispriazzjoni kbira, ma taqta’ qalbha minn xejn u dħulija ħafna. Kienet involvitni fil-ħidma tagħha tal-Ewropa Donna u għamilna proposta flimkien għall-leave mediku għal dawk il-persuni li, vera jkunu ħarġu mill-kanċer, imma minħabba li kontinwament kellhom bżonn imorru l-isptar, dawn ikollhom bżonn ta’ leave addizjonali,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja. 

Il-ħajja hija sabiħa u għandna nagħmlu dak li huwa fid-destin tagħna li nagħmlu

Doriette Darmanin, f’diskors tal-Marigold Foundation

Huwa, flimkien mas-Segretarji tat-Taqsimiet kollha u l-impjegati tal-Union Print, esprimew id-dieqa tagħhom b’messaġġi ta’ kondoljanzi għat-telfa tal-mara tal-kollega u ħabib tagħhom, David Darmanin.

“Issa naf xi tfisser li nħoss in-nuqqas ta’ xi ħadd…”

Karl Darmanin iddeskriva l-jum li fih tilef lill-għażiża ommu bħala l-aktar jum iswed ta’ ħajtu. “Tlift lill-persuna li welditni. Il-persuna li ratni nikber u li għalmitni kollox fil-ħajja. Din il-persuna tagħtini l-kuntentizza f’ħajti u għenitni fl-aktar mumenti diffiċli tiegħi. Għexet biex tara lili u lil missieri kuntenti u għamlet dak kollu li setgħet biex ikollna ħajja sabiħa”. Dan huwa l-kliem komwoventi ta’ iben Doriette, li qasam is-sogħba għat-telfa kbira tiegħu fuq il-midja soċjali. Huwa qal ukoll li qatt ma fehem eżatt x’jiġifieri meta jħoss in-nuqqas ta’ xi ħadd, iżda issa iva għax meta fittex lill-għażiża ommu, dan ma sabhiex.

Karl se jiċċelebra ħajjet ommu kuljum u jittama li xi darba jkun persuna twajba u b’saħħitha bħalma kienet Doriette. “Kont dejjem tistinka u tiġġieled. Għent tant nies u jiena kburi li jien ibnek,” tenn Karl.

Mara ta’ ispirazzjoni għal kulħadd

Il-Marigold Foundation saħqet li Doriette dejjem se tkun l-ispirazzjoni tagħhom bħala fondazzjoni u rringrazzjawha talli dejjem emmnet fix-xogħol li jagħmlu. B’dieqa, għalihom il-Pink October mhux se jkun l-istess issa li Doriette mhux se tkun preżenti. 

Mara b’qalb kbira li kienet tgħin lill-persuni morda jew li jkollhom problemi oħra

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja

Fuq il-paġna tal-Facebook ta’ din il-fondazzjoni fakkru kliem Doriette li dejjem saħqet li, ‘il-ħajja hija sabiħa u għandna nagħmlu dak li huwa fid-destin tagħna li nagħmlu’. Il-Marigold Foundation qalet li Doriette Darmanin dejjem se tibqa’ f’qalbhom u li bħala fondazzjoni, se jkomplu bil-ħidma li bdew flimkien.

Min-naħa tiegħu Karl, f’ismu u f’isem missieru David, irringrazzja lil dawk kollha li esprimew is-sogħba tagħhom għat-telfa ta’ ommu b’mod speċjali l-qraba u l-ħbieb li kienu magħhom f’dawn il-mumenti diffiċli. 

Fi tmiem il-messaġġ tiegħu Karl Darmanin appella biex kull minuta ingawdu lill-għeżież tagħna fiż-żmien li għadna magħhom, “għax meta jħalluna, kulma jifdlilna huma l-memorji. Mingħandi u mingħand missieri – inħobbuk ħafna u nerġgħu niltaqgħu. Int l-eroj tagħna”. 

Il-funeral ta’ Doriette Darmanin se jsir għada filgħodu fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Pietru fil-Ktajjen, Birzebbugia fejn se tiġi ċċelebrata ħajjitha b’quddiesa presente cadavere. Minħabba r-restrizzjonijiet mill-awtortitajiet tas-saħħa dwar il-Covid-19, il-funeral se jkun ristrett għall-familjari biss. Huwa ġentilment mitlub li minflok fjuri, jintbagħtu donazzjonijiet lill-Marigold Foundation jew lill-Community Chest Fund.

Ekonomija

Sport