Tuesday, November 26, 2024

Operaturi turistiċi Għawdxin ottimisti f’dan iż-żmien festiv

Il-Kap Eżekuttiv tal-GTA Joe Muscat: Nantiċipaw li l-2022 nagħlquha b’90% ta’ dak li kellna fl-2019 bħala suq barrani

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Prattikament nistgħu ngħidu li kull tmiem il-ġimgħa qed ikun tajjeb f’Għawdex. Nistennew li dak tal-Milied u b’mod speċjali dak tal-Ewwel tas-Sena jkunu tajbin bin-numri ta’ Maltin u barranin li joqogħdu fil-lukandi u farmhouses.”

Sostna dan il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA) Joe Muscat f’kummenti li għadda lil dan is-sit fejn stqarr li l-operaturi turistiċi Għawdxin qegħdin iħarsu b’ottimiżmu lejn dan il-perjodu ta’ festi.

“Dan huwa perjodu li jkun mistenni ħafna. Jidher li se jkun wieħed tajjeb, forsi l-aħjar wieħed f’dawn l-aħħar tliet snin minn meta faqqgħet il-pandemija,” qal Muscat. “Mill-informazzjoni li għandna, fis-settur tal-catering jidher li hemm andament tajjeb speċjalment ikliet tal-familji u staff parties.” 

Il-Kap Eżekuttiv tal-GTA rrefera wkoll għal settur ieħor ta’ dawk il-Maltin li għandhom it-tieni dar tagħhom ġewwa Għawdex, li minnu nfih dan jista’ jsarraf f’impatt pożittiv fis-settur tal-catering.

Mistoqsi dwar il-prospetti għal din is-sena, Muscat qal li l-2022 jidher li se tkun is-sena ta’ rkupru total mill-pandemija filwaqt li deħlin b’ottimiżmu għas-sena 2023, li qal “nittamaw li tiżboq l-2018 u l-2019.” 

Huwa nnota kif l-2018 kienet l-aħjar sena għat-turiżmu barrani fil-gżira Għawdxija mentri l-2021, għalkemm kienet sena mtappna mill-pandemija, kienet waħda rekord fin-numru ta’ Maltin li żaru l-gżira tat-tliet għoljiet.

Kien hawn fejn qal li matul din is-sena jidher li kien hemm inqas Maltin li marru Għawdex, billi aktar ma bdejna nersqu lejn in-normalità, u ħallejna l-pandemija warajna, bdew isibuhom aktar komdi li jsiefru.

“Bejn wieħed u ieħor nantiċipaw li s-sena 2022 nagħlquha b’90% ta’ dak li kellna fl-2019 f’dak li huwa suq barrani,” temm jgħid Muscat. 

Sport