Raġel ta’ 34 sena mis-Swieqi ġie salvat wara li waqa’ f’Fomm ir-Riħ fil-limiti tal-Imġarr.
Il-każ seħħ ilbieraħ wara li r-raġel waqa’ fuq il-blat u sab ruħu f’diffikultà ta’ mobbiltà. Fil-post issejħu l-pulizija, tim mediku, kif ukoll uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li f’ħidma kollaborattiva rnexxielhom itellgħu lir-raġel u jassistuh sakemm seta’ jittieħed lejn l-Isptar għall-kura neċessarja. S’issa l-kundizzjoni tiegħu għadha mhix magħrufa.
It-Tabib Michael Spiteri f’reazzjoni tard ilbieraħ filgħaxija qal li kien lura minn operazzjoni ta’ salvataġġ delikata. Huwa ddeskriva l-ħidma kollaborattiva bħala sinfonija. Filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha involuti huwa qal li kollox kien f’loku bi pjan tajjeb u servizz ta’ eċċellenza fejn il-ħbiberija ġenwina taqbeż kull limiti.