Tuesday, May 14, 2024

Li priġunier tħalla għarwien u bla sodda hu trattament inuman u degradanti

Il-Qorti Kostituzzjonali

Aqra wkoll

Priġunier  tefgħuh ġo ċella li  kienet bla toilet u bla sink. Fiha hu inżamm għarwien ħuta, bla sodda, bla saqqu u bla liżar. Tħalla lejl sħiħ hemmhekk. L-awtoritajiet tal-ħabs wieġbu li skont parir ta’ psikjatra aħjar il-priġunier jitħalla bla ħwejjeġ milli jkollu qalziet u jitgħallaq bih. L-istess priġunier kellu ukoll il-leave biex jiżżewweġ irtirat.  Il-priġunier Yousef Essesi u s-sieħba tiegħu fetħu proċeduri quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, fejn ingħatat kumpens ta’ €1,000 u €500 rispettivament.    Il-Qorti Kostituzzjonali iddikjarat li l-fatt li  ma tħallewx jiżżewġu hu ksur tal-Artiklu 12 tal-Konvenzjoni għad-Drittijiet Umani Il-Qorti Kostituzzjonali iddikjarat ukoll li d-drittijiet tal-priġunier u s-sieħba tiegħu għal rispett lejn il-ħajja privata u familjari, id-dar u l-korripondenza kienu miksura bi ksur tal-Artiklu 8 tal-Konvenzjoni. Il-Qorti iddikjarat ukoll li ż-żamma ta’ Yousef Essesi ġo ċella għarwien u bla saqqu hija trattament inuman u degradanti bi ksur tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni għad-Drittijiet Umani.  Tiddikjara wkoll li t-trattament ta’ Essesi wara l-preżentata tal-protest ġudizzjarju u l-programm televiżiv ukoll jikkostitwixxu trattament u kastig, bħala inuman u degradanti. 

Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti qalet li Yousef Essesi kien jinsab fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jiskonta diversi sentenzi ta’ ħabs. Hu daħal fis-sena 2014. Tul iż-żmien fil-ħabs  kellu madwar 160 każ ta’ dixxiplina ħafna minnhom qabel Ġunju tas-sena 2018 minn liema żmien l-imġieba tiegħu tjiebet ħafna. Intbagħat diviżjoni 6 (“tal-kastig”) ‘il fuq minn 20 darba. Kellu madwar 22 każ ta’ self-harm, inkluż li jaqta’ l-polz. Ġiet esebita CD ta’ Yousef jaqta’ l-polz. Ittieħed diversi drabi Mount Carmel meta hedded li kien se jitgħallaq. Skont rapport tal-Correctional Services Agency tal-25 ta’ Mejju 2021, Yousef għandu sinjali ta’ psikopatija, antisocial personality disorder u dissocial personality disorder.2 U kklassifikat bħala “very high risk – dangerous personality”. Fil-bidu ta’ Jannar tas-sena 2018 inbagħat f’Diviżjoni 15 għal seba’ xhur wara li kellu xi jgħid ma’ grupp ta’ Għarab. Qalulu li dan kien għas-sigurtà tiegħu. Din id-diviżjoni kienet tintuża’ f’emerġenza pereżempju meta l-ħabs ikun iffullat iżżejjed u kienu jitfgħu fih l-immigranti. 

Is-sentenza qalet li “fl-ewwel sitt xhur kien waħdu; fl-aħħar xahar kien akkumpanjat minn priġunier ieħor. Kien hemm gwardjan jissorveljah kontinwament. Essesi jallega li din id-diviżjoni tinsab taħt l-art. Ħaġa miċħuda mid-direttur tal-ħabs li xehed li fil-ħabs kull diviżjoni tinsab jew fil-pjan terran jew f’sulari ogħla. Kien jitlob, għalxejn, li jara psikologu jew lid-direttur. Kien jikkontempla jagħmel suwiċidju. Visti għall-bidu ma kellux imbagħad beda jkollu kuntatti ma’ Meliza darba fil-ġimgħa. Din saret tfisser kollox għalih.  Skont id-direttur, Yousef kisser din id-diviżjoni. Minn dak iż-żmien ‘l hawn din id-diviżjoni ġiet irranġata u kultant tintuża’ bħala dormitorju fejn jinżammu l-priġunieri. Waqt il-Covid inbidlet fi sptar.” 

Intqal li “Essesi ngħata prison leave sabiex jiżżewweġ lil Meliza Muscat. Jidher li l-Prison Leave Advisory Board irrakkomanda l-leave. Yousef ingħata l-permess joħroġ mill-Faċilità biex imur japplika fir-Reġistru Pubbliku. Inħarġu t-tnidijiet taż-żwieġ bejn is-16 ta’ Lulju 2018 u l-25 ta’ Lulju  tas-sena 2018. Id-data taż-żwieġ ġiet iffissata għat-13 ta’ Lulju ta’ dik l-istess sena. Meliza ħejjiet iċ-ċrieket, il-libsa tat-tieġ u għamlet il-preparamenti meħtieġa. Ġie approvat il-leave għad-data taż-żwieġ. Fit-3 ta’ Lulju tas-sena 2018, għaxart ijiem qabel iż-żwieġ, inbidlet id-deċiżjoni  dwar il-prison leave, billi meta inizjalment approva l-leave, kien għadu kemm laħaq direttur u ma kienx familjari mal-file ta’ Yousef. Intqal li l-prison leave jingħata fuq rakkomandazzjoni tal-Prison Leave Advisory Board u normalment il-priġunier irid ikun ilu ma jikkommetti ksur tar-regolamenti madwar 6 xhur.”  Il-Qorti qalet li d-direttur ipprova jiġġustifika l-bidla fid-deċiżjoni billi esebixxa cd irrekordjati wara d-data li fiha kellu jsir iż-żwieġ. Fuq domanda tal-Qorti stqarr li ma jafx jekk persuna tistax titħalla tiżżewweġ fil-ħabs stess.”

Mis-sentenza jirriżulta li “Yousef ħadha bi kbira anke għax Meliza kienet ġiet umiljata. Issakkar fid-diviżjoni u tefgħulu l-pepper spray. Ġie ttrasferit għal Diviżjoni 6 magħrufa bħala tal-kastig. Hemmhekk tinqafel 23 siegħa, toħroġ siegħa u ċċempel darba kull 10 ijiem. Skont id-direttur, diviżjoni 6 għandha privileġġi inqas u tintuża meta jkun hemm xi ħadd fuq il-watch list ta’ suwiċidju.  Meta rribella għamel il-ħsara fid-diviżjoni li kien fiha. Wara diviżjoni 6 intbagħat diviżjoni 5, diviżjoni ta’ sigurtà massima fejn jinżammu priġunieri kkundannati fuq akkużi serji, uħud għal għomorhom il-ħabs. Hawn dam 60 ġurnata msakkar. Yousef stqarr li dan il-kastig kien tort tiegħu għax ma ġabx ruħux sew. Wieħed mir-rapporti kien li ried iħallas €927. Meliza riedet tħallashom f’daqqa imma ma ħallewhiex għax hemm regola li massimu jistgħu jidħlu €120 fil-ġimgħa. Għalhekk ma setax iċemplilha u lanqas kellu biex jixtri l-ilma. Għamel mill-inqas xahrejn ma jikkuntattjahiex sakemm tħallsu l-flus. 

Id-direttur imbagħad bagħtu Division 13 suppost għal ġimagħtejn iżda dam sitt xhur. F’dawn is-sitt xhur, Yousef kellu rapport wieħed biss u ħadem gymnasium ġdid. Id-direttur faħħru ta’ dan ix-xogħol. F’din id-diviżjoni, il-priġunieri jibqgħu barra miċ-ċella tagħhom sal-4 p.m. b’differenza minn diviżjonijiet oħra li jibqgħu barra sas-7 p.m. Yousef talab li jkun jista’ jikkuntattja lit-tfajla tiegħu għax din taħdem sal-4.30 p.m. Din ikkunsidraha bħala kastig ieħor. B’danakollu waqt li kien f’din id-diviżjoni kiteb ittra lid-direttur ifaħħru tad-dixxiplina u talli qatta’ siegħa miegħu. Qallu li t-tfajla kienet kuntenta bil-bidla fl-imġieba tiegħu. Faħħru tal-bidla li kien qiegħed jagħmel fil-ħabs.”

Intqal li “wara fis-sena 2019 – irċieva aħbar li kien sejjer jiġi trasferit għal Diviżjoni 3. Reġa’ talab li jiżżewweġ iżda Elenio Galea, Correctional Captain tal-Faċilità, wieġbu li d-direttur ma riedx. Informa lil Meliza li kkuntattjat lill-avukat li ppreżenta protest ġudizzjarju fis-7 t’Awwissu 2019. Il-protest ġudizzjarju kien limitat għall-kwistjoni tar-rifjut tal-leave biex ir-rikorenti jkunu jistgħu jiżżewġu.Minnufih wara l-preżentata tal-protest ġudizzjarju, Yousef inxteħet fid-diviżjoni numru 6 mingħajr ma ngħata l-ebda raġuni, meta suppost priġunier jintbagħat f’din id-diviżjoni wara li jsirlu rapport. Hu u sejjer lejn Diviżjoni 6 mmanettjat,  id-direttur iltaqa’ wiċċ imb wiċċ ma’ Yousef u qallu biex jgħid lill-avukat tiegħu li kemm idum direttur ma kienx sejjer iħallih jiżżewweġ; u li minn diviżjoni 6 mhux sejjer joħroġ. Id-direttur, mistoqsi in kontro-eżami jekk qalx dan id-diskors, kien evasiv u qal li ma jiftakarx li qal dan id-diskors. Tefgħuh ġo ċella li skontu kienet bla toilet, bla sink, għarwien ħuta, bla sodda, bla saqqu u bla liżar. Ħallewh lejl hemmhekk. Skont id-direttur, skont parir ta’ psikjatra aħjar il-priġunier jitħalla bla ħwejjeġ milli jkollu qalziet u jitgħallaq bih. Il-prassi fil-Faċilità iżda hija li l-priġunier jingħata non-tearable clothes.”

Is-sentenza tkompli tgħid li “Meliza kienet miżmuma milli tidħol fil-Faċilità għal sitt xhur u ġew ukoll miżmuma l-ittri li kienet tibgħat lil Yousef. Lanqas setgħet taħsillu l-ħwejjeġ u tibgħatlu l-ikel. Meliza ħassitha għal darb’oħra umiljata u kellha tbiddel il-post tax-xogħol tagħha. 

Il-Qorti qalet li Artiklu 12 tal-Konvenzjoni jagħraf id-dritt fundamentali li wieħed jista’ jiżżewweġ skont il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt. Limitazzjoni din li jekk tiġi kkunsidrata b’mod rigoruż tista’ ġġib id-dritt fix-xejn. Il-Qorti Ewropea ddeċidiet li mhix disposta biex tissostitwixxi l-ġudizzju tagħha għal dik tal-awtoritajiet lokali.   Meta l-Konvenzjoni kienet għadha friska deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea ċaħdu d-dritt ta’ priġunier li jiżżewweġ, iżda aktar tard aċċettatu u ddeċidiet li l-awtoritajiet tal-ħabs ma setgħux jirrifjutaw talba ta’ priġunier biex jiżżewweġ waqt li jkun qiegħed jiskonta s-sentenza tiegħu. Ikkunsidrat li kien irrilevanti li ż-żwieġ ma setax jiġi kkunsmat jew li l-koppja tgħix flimkien. Il-postponiment taż-żwieġ sa meta tiġi skontata s-sentenza kien ta’ ħsara għas-sustanza tad-dritt taż-żwieġ. Din il-qagħda ġiet ikkonfermata iktar tard mill-Qorti Ewropea, li qalet li l-libertà personali ma kinitx prerekwiżit għall-eżerċizzju tad-dritt għaż-żwieġ. Il-priġunier ikompli jgawdi d-drittijiet fundamentali li ma jkunux kontra s-sens tad-deprivazzjoni tal-libertà, u kull limitazzjoni oħra trid tiġi ġġustifikata mill-awtoritajiet. Qorti lokali rrifjutat permess lill-akkużat biex jiżżewweġ għax dehrilha li dan kien attentat biex il-ħabiba tiegħu ma tixhidx kontrih u mhux relazzjoni ġenwina, u li post ta’ detenzjoni ma kienx post addattat biex issir iċ-ċerimonja taż-żwieġ. Il-Qorti Ewropea qalet li l-awtoritajiet ma setgħux iqisu jekk il-kwalità tar-relazzjoni bejn il-koppja kinitx tali li tiġġustifika d-deċiżjoni li jiżżewġu, u lanqas li janalizzaw liema żmien u liema post kienu addattati għaċ-ċerimonja. 

Trattament inuman u tortura

Il-Qorti qalet li Artiklu 3 tal-Konvenzjoni jipprojbixxi b’mod assolut it-tortura u t-trattament jew kastig inuman u degradanti, mingħajr ma jagħmel l-ebda eċċezzjonijiet: la l-kondotta tal-vittma, la d-delitt li tkun ikkommettiet, lanqas jekk ikun assoċjat ma’ atti terroristiċi. Fil-Konvenzjoni Ewropea, id-differenza bejn trattament inuman u tortura ma tagħmel l-ebda differenza għax it-tnejn huma pprojbiti. It-tortura mhix definita mill-Konvenzjoni imma hemm sentenza importanti li stabbiliet li d-differenza hija prinċipalment mill-intensità tat-tbatija sofferta. Fil-każ preżenti l-Qorti ma tirriżultalha l-ebda tortura.  Mhux kull kastig huwa pprojbit mill-Artiklu 3; irid ikun inuman jew degradanti. Biex ikun hekk, jew ikun jikkostitwixxi tortura, it-tbatija jew l-umiljazzjoni involuti jridu jeċċedu dak li huwa inevitabilment konness ma’ forma partikolari ta’ trattament jew kastig.

Iġġieled ma’ qassisin xjuħ li jinsabu fit-taqsima tal-vulnerabbli

Issemma li  l-iskop tal-iżolament kien il-ġlied li kellu ma’ għadd ta’ persuni ta’ nazzjonalità Għarbija. Id-direttur xehed li Yousef kien jiġġieled f’kull diviżjoni li jintefa’ fiha, saħansitra fid-diviżjoni tal-vulnerabbli fejn kien hemm ex-qassisin xjuħ. Yousef ma ntefax f’iżolament mid-direttur Dalli, imma mid-direttur ta’ qabel. Il-Qorti tifhem li l-iżolament ta’ Yousef kien iġġustifikat mill-ħtieġa li tinżamm id-dixxiplina fil-ħabs u li jiġu protetti priġunieri oħrajn. Għalhekk ma jirriżultax li kien hemm kastig jew trattament ieħor inuman jew degradanti. 

Il-Qorti qalet li “jirriżulta ili wara l-preżentata tal-protest ġudizzjarju, kif ukoll wara x-xandira tal-programm televiżiv, Yousef ġie ttrasferit f’diviżjoni 6, magħrufa bħala tal-kastig, darba minnhom mingħajr saqqu. Dan it-trasferiment ma sarx għal raġuni ġusta imma bi tpattija. Dan ukoll jikkostitwixxi trattament inuman u degradanti; kastig arbitrarju kontra persuna li diġà tinsab imċaħħda mil-libertà u fi stat ta’ dipendenza totali fuq l-awtoritajiet tal-ħabs li iva għandhom iżommu d-dixxiplina imma mhux jabbużaw mis-setgħat tagħhom.  Il-Qorti ma tarax l-ebda ġustifikazzjoni għaż-żamma ta’ ittri mingħand Meliza. Huwa ovvju li dan sar bi tpattija mid-direttur Dalli talli sar protest ġudizzjarju kontra tiegħu u talli Meliza marret tilmenta dwar it-trattament tagħha u ta’ Yousef fuq program televiżiv. Kien għall-istess raġuni li Meliza ġiet projbita milli tidħol fil-Faċilità għal sitt xhur sħaħ. Id-direttur jipprova jiġġustifika ż-żamma tagħha minħabba li rrekordjat konverżazzjoni mal-gwardjani tal-Faċilità. Dan l-attentat iżda sar b’konsegwenza tal-projbizzjoni milli taċċedi fil-faċilità – appuntu biex ikollha provi li l-projbizzjoni kienet bla raġuni – u mhux il-kawża tagħha. Għalhekk f’dan ir-rigward l-ilment tagħhom huwa ġġustifikat.”

Sport