Hekk kif fi Spanja dejjem ikun hemm xi każ partikolari x’wieħed jiddiskuti fl-aħħar sigħat żdiet dak tal-opinjonista sportiv German Burgos li waqt programm televiżiv fi stazzjon lokali deher iwaqqa’ għaċ-ċajt lill-plejer żagħżugħ ta’ Barcelona Lamine Yamal. Dan kollu seħħ eżatt wara l-konfront li l-Blaugrana lagħbu kontra PSG u li rebħu 3-2.
Meta kienu qed jitkellmu dwar Yamal, Burgos qal li ma jagħmilx ġid li wieħed ifaħħar iżżejjed lil dan il-plejer għax jekk ma jirnexxiex jispiċċa jnaddaf it-toroq . Dan il-kumment xejn m’għoġob lil Barcelona li ddeċidew li ma jagħtux kummenti wara l-partita filwaqt li l-istazzjon skuża ruħu għal dan il-kumment mhux f’loku. Anke l-istess Burgos skuża ruħu fejn qal li ma ried ifisser xejn minn dak li qal.
Min-naħa tagħhom, Barcelona qalu li Yamal hu plejer fundamentali għat-tim tagħhom u kummenti bħal dawn huma bla sens.