Sunday, December 29, 2024

Opportunità biex sajjieda dilettanti jistadu għal-lampuki

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali  Alicia Bugeja Said ħabbru li għal sena oħra d-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura qiegħed joffri opportunità biex sajjieda dilettanti jistadu għal-lampuki. Huma ħabbru li dan se jsir permezz ta’ allokazzjoni ta’ bosta rimji u ċimi madwar l-ibħra Maltin u Għawdxin.

Id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura laħaq ftehim mal-għaqdiet tas-sajjieda biex kull waħda minnhom ikollhom postijiet allokati u riservati. Is-sajjieda dilettanti huma mħeggin japplikaw mal-għaqdiet sabiex jistadu bir-rixa fuq dawn l-istess ċimi. Is-sajjieda dilettanti b’dgħajjes reġistrati bħala MFC, S u Valletta huma kollha eliġibbli biex japplikaw għas-sajda tal-lampuki.

Il-Ministru Anton Refalo innota li dan il-proġett is-sena l-oħra kien wieħed ta’ suċċess u għalhekk il-gvern ra li jkompli jifrex f’dan is-settur mhux biss għas-sajjieda tal-kummerċjalizazzjoni imma anke għal dawk id-dilettanti. “Bħala ministeru, apparti li qed inkomplu nkunu ta’ għajnuna għal dawk li jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum minn dan is-settur, qed nassiguraw li fl-istaġun tal-lampuki mill-15 ta’ Awwissu sal-aħħar ta’ Diċembru dawk kollha li huma sajjieda dilettanti wkoll igawdu mis-sajda tal-lampuki.”

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said spjegat li “Is-sena li għaddiet, il-gvern nieda proġett pilota, fejn id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura kien laħaq ftehim mal-Għaqdiet tas-Sajjieda biex jinfetaħ l-istaġun għas-sajjieda dilettanti li jixtiequ jistadu bir-rixa maċ-ċimi. Dan jassigura li s-sajjieda dilettanti jkollhom opportunità li jibbenefikaw minn dan l-istaġun tant popolari, mingħajr tfixkil.”


Alicia Bugeja Said irringrazzjat lill-ħaddiema kollha fi ħdan id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura kif ukoll lill-għaqdiet dilettanti, li diġà bdew jagħmlu ħafna xogħol bi preparazzjoni u li kieku ma kienx għalihom, inizjattivi bħal dawn ma jkunux possibbli.


Din is-sena, id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura ħaseb biex iżewweġ it-tekonoloġija mat-tradizzjoni permezz ta’ mobile app li se tiġi mnedija fil-jiem li ġejjin, pass ieħor pożittiv favur il-ħidma ta’ kull sajjied Malti u Għawdxi. Din l-app ser tagħti spinta fuq żewġ binarji: fuq naħa, id-diġitalizzazzjoni ser tnaqqas b’mod konsiderevoli l-burokrazija, u tgħin biex nadattaw għal teknoloġija li tnaqqas l-iskart u l-użu tal-karti. Min-naħa l-oħra, l-informazzjoni miġbura minn din l-app permezz ta’ sistema ta’ logbook, se tgħin lid-Dipartiment iżomm rendikont iktar aġġornat u effiċjenti tal-kwalità u l-kwantità ta’ ħut miġbura. B’hekk tkompli titkattar ir-riċerka u l-għarfien fuq is-saħħa u s-sostenibilità tal-ekosistema marittima tagħna.

L-applikazzjonijiet huma miftuħa sal-Erbgħa 10 ta’ Awwissu 2022. Is-sajjieda kollha interessati huma mħeġġa japplikaw. Għal aktar informazzjoni s-sajjieda huma mħeġġa jċemplu lid-Dipartiment fuq 2292 6888.

Ekonomija

Sport