Friday, November 15, 2024

“Opportunità li nfasslu l-ekonomija Maltija għat-30 sena li ġejjin”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Analista Finanzjarju Steve Ellul iddikjara li bid-deċiżjoni tal-FATF li tneħħi lil Malta mil-lista l-griża, Malta issa hija l-unika pajjiż fl-Unjoni Ewropea li għandu f’idejh “a clean bill of health” – ċertifikat ta’ mertu maħruġ mill-ogħla organu finanzjarju internazzjonali. Qal li dan juri li pajjiżna għandu l-istrutturi kollha f’posthom u fuq kollox il-proċessi kollha jaħdmu sabiex jiġġieled b’mod effettiv il-ħasil tal-flus.

“Fil-fatt illum il-proċess biex jinfetaħ kont bankarju f’Malta huwa ħafna aktar rigoruż minn ħafna pajjiżi oħra fl-Ewropa. Xi ħaġa li rridu nieħdu ħsiebha għax tista taffettwa l-kompettività ta’ pajjiżna. Il-ħruġ ta’ Malta mill-lista l-griża ma tfissirx li wasalna fejn ridna naslu. Anzi rridu nkomplu ndawru din l-isfida f’opportunità, opportunità li nibnu settur finanzjarju li verament jgħin lin-negozji biex jikbru aktar u joħolqu aktar impjiegi ta’ kwalità,” qal Ellul f’kummenti li għadda lil Talk.mt.

“B’mod speċjali għandna nużaw il-ħruġ ta’ Malta mil-lista l-griża sabiex nibdlu l-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna għal wieħed li jkun inqas dipendenti fuq vantaġġi fiskali ‘across the board’ għal wieħed li jattira lejn pajjiżna setturi moderni li jżidu l-valur ta l-ekonomija tagħna.”

Huwa qal li fl-immedjat għandu jkun hemm strateġija nazzjonali, xprunata mis-settur finanzajrju flimkien ma’ l-ambaxxati tagħna sabiex nikkomunikaw dan is-suċċess ta’ pajjiżna b’mod qawwi maċ-ċentri finanzjarji fl-Ewropa, ir-Renju Unit u anke l-Istati Uniti. Dan se jwassal sabiex tonqos il-pressjoni fuq banek Maltin li fl-aħħar snin kellhom diffikulta jsibu banek internazzjonali li jiproċessawlhom il-pagamenti tagħhom. 

Ellul tenna li jekk issir dan, fil-futur qarib ma nkunx sorpriż li nara banek medji, serji u speċjalizzati li jikkunsidraw lil Malta għall-operat tagħhom. “Dan se jkun kruċjali biex issir aktar faċli għall-kumpaniji Maltin biex jinnegozjaw u jaħdmu mal-banek tagħna u fl-istess ħin nagħmluha possibbli biex pajjiżna jattira lejh kumpaniji internazzjonali innovattivi li jistgħu jieħdu l-ekonomija tagħna għall-pass li jmiss.”

Ekonomija

Sport