Sunday, May 5, 2024

Oppożizzjoni negattiva li moħħha biss kif se tkisser in-nies

Aqra wkoll

Permezz tad-dibattitu li kellna fil-parlament din il-ġimgħa erġajna segwejna x’faqar ta’ Oppożizzjoni għandna fil-pajjiż, Oppożizzjoni negattiva li ma tipproponi xejn, anzi b’dak li tgħid tkompli turi kemm hija maqtuha mir-realtajiet ta’ pajjiżna u kemm għadha mhix lesta biex għall-inqas tkun gvern alternattiv.

Il-mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni Nazzjonalista fil-Parlament biex tiċċensura tlett Ministri Laburisti kompliet tikxef l-intenzjonijiet tagħha li dejjem tattakka lin-nies personalment. Min-naħa l-oħra, il-paroli li kitbu tal-Oppożizzjoni fil-mozzjoni li ressqu kien kollu bla sens għaliex fil-fond ta’ qalbhom jafu li dak li ma wettqux huma fil-qasam tal-kostruzzjoni tul il-ħamsa u għoxrin sena li għamlu fil-Gvern, ma jistax ikun li jitwettaq f’sitt xhur.

Anke fuqhiex ibbażaw il-mozzjoni tagħhom biex mingħalihom ikeċċu tlett ministri kien bla bażi. Ikkritikaw lill-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi li, kif stqarr il-Prim Ministru Robert Abela stess waqt id-dibattitu, kien il-Ministru li beda jwettaq bis-serjeta riformi kbar fil-qasam tal-kostruzzjoni fosthom l-introduzzjoni tal-Liċenzjar tal-Kuntratturi, riforma li kienu ilhom isemmu n-Nazzjonalista sa mill-2004.

Bla sens ukoll iċ-ċensura li ppruvaw jagħmlu kontra l-Ministru Miriam Dalli, meta kienu jafu li meta sar it-trasferiment tal-art għall-proġett li kien se jsir fejn iġġarrfet il-binja f’Kordin, hija l-anqas biss kienet Malta għaliex kienet għadha Membru Parlamentari Ewropew fi Brussell.

L-istess jista jingħad għat-talba għar-riżenja tal-Ministru Silvio Schembri li kien għadu kemm daħal fil-kariga ta’ Ministru responsabbli mill-Indis ftit żmien meta ingħatat il-konċessjoni tal-art lill-dawk li kienu se jibnu l-fabbrika.

U fuq kollox x’ipproponew tal-PN fil-mozzjoni tagħhom? Assolutament xejn għaliex dak li pproponew mhuwiex fattibbli. Sa minn qabel ġiet diskussa l-mozzjoni tal-PN fil-Parlament, il-Kunsill Nazzjonali tal-Bini iffurmat mill-Kamra tal-Periti u l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi ħarġu jiddikjaraw li r-riformi fil-kostruzzjoni m’għandhomx isiru bil-għaġġla li qed jitlob il-PN imma wara konsultazzjoni mill-aktar wiesgħa ma’ l-istakeholders kollha.

Anke l-Prim Ministru Robert Abela wera fil-Parlament kemm huwa mportanti li r-riformi jkomplu jitwettqu bil-galbu u bil-għaqal biex tkompli t-triq tal-fejqan għal dan is-settur li skont kif ġie dikjarat fl-inkjesta stess, ilu marid ħamsin sena.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista reġgħet tilfet opportunita li tkun kostruttiva imma minflok tat prova li kulma riedet minn dan kollu huwa tirkeb il-karru politiku u mingħalija tiskurja ftit punti politiċi minn fuq traġedja ta’ żagħżugħ, Jean Paul Sofia li miet intortament minħabba aġir kriminali ta’ min suppost kien responsabbli. 

Sport