Saturday, December 21, 2024

“Oqogħdu d-dar, be safe … la jgħaddi kollox nerġa’ narakom fuq id-dance floor”

Aqra wkoll

Intervista ma’ wieħed mil-aqwa DJ’s f’pajjiżna; Tenishia jitkellem anke kif minħabba s-sitwazzjoni ma setax jiltaqa’ mat-tfal tiegħu fl-Awstralja

Minn MARIA AZZOPARDI

Kif is-sitwazzjoni marbuta mal-pandemija tal-Covid-19 bidlet ir-rutina tiegħek u kif qed tqatta’ l-ħin tiegħek? 

Din is-sitwazzjoni waslet għal waqfien ħesrem fix-xogħol tad-DJs kollha. Għal min hu full time bħali spiċċa totalment bla xogħol u bil-pjanijiet kollha mħassra. L-ikbar dispjaċir kien illi jien prattikament għamilt l-2019 nippjana attivitajiet għall-2020 għax kont qed nipprova nsib mod kif insiefer inqas għax prattikament għajjejt insiefer.  Apparti minn hekk għamilt diversi meetings numerużi ma’ sponsors u anke venues fejn kelli ppjanati avvenimenti. Dawn kollha sfortunatament għamilthom għalxejn. Il-Festivals internazzjonali ukoll ġew imħassra u ħafna minn sħabi li jivvjaġġaw għax-xows tagħhom issa kollha jinsabu f’pajjiżhom iqattgħu l-ħin tagħhom fl-istudios.

Jien l-istess qed nagħmel, qed naħtaf l-opportunità biex insib stili ġodda fl-istudio tiegħi u nagħmel mużika ġdida. Affarijiet li mhux essenzjalment se naqla’ l-flus minnhom imma jistgħu jgħinuni ‘l quddiem.

Minħabba din is-sitwazzjoni, għandek xi dispjaċir li ma stajtx tiltaqa’ ma’ xi nies għeżież tiegħek u tiċċelebraw flimkien?

Minħabba li waqfu t-titjiriet kważi kollha u minħabba s-sitwazzjoni ma stajtx immur l-Awstralja kif kien ippjanat biex niltaqa’ mat-tfal tiegħi. Kien ikun żmien perfett kieku meta għandi ħafna inqas affarijiet x’nagħmel biex inqatta’ ħin magħhom imma sfortunatment dan mhux possibbli u ladarba jerġa’ jiġi kollox għan-normal se jkolli nara kif nirpilja l-ewwel qabel ma nerġa’ ninżel l-Awstralja ħdejhom.

Kif taħseb li l-Covid-19 qed jaffettwa lin-nies anke mill-aspett ta’ saħħa mentali?

Nispera biss, li meta jgħaddi kollox din tkun ta’ tagħlima lill-bnedmin kollha u ma nerġgħux nieħdu kollox qisu xejn mhu xejn. Qed naraw kif id-dinja qed tieħu r-ruħ minn ċerti aspetti. In-normalità ma kinitx qed taħdem tajjeb fuq id-dinja… “over population”? Ma nafx eżatt.

Ħafna issa huma konxji dwar is-saħħa tal-bniedem u kemm hu faċli tieħu xi tip ta’ mard, allura wieħed forsi joqgħod iktar attent u jagħti iktar importanza biex iżomm lilu nnifsu nadif. Mil-lat ta’ saħħa mentali din żgur li ma għenet lil ħadd. Ħafna nies spiċċaw weħidhom u anke qrajt li f’xi pajjiżi r-rata tas-suwiċidji telgħet ġmielha. Min għax tilef ix-xogħol, min għax ma jafx x’se jagħmel, min għax din is-sitwazzjoni poġġietu darhu mal-ħajt.

X’inhi l-ewwel ħaġa li se tagħmel ladarba jgħaddi kollox b’wiċċ il-ġid?

Wieħed irid jara kif se tkun is-sitwazzjoni.  Għalina li naħdmu fis-settur tad-divertiment tagħmel differenza kemm din is-sitwazzjoni se ddum u f’liema xahar se jiġi kollox għan-normal. Mhux nistenna li dan is-sajf se jkun wieħed normali imma naħseb wieħed irid isib mezz kif bil-mod jerġa’ jirpilja fix-xogħol tiegħu qabel kollox.

X’messaġġ tixtieq tgħaddi lis-segwaċi tiegħek u għal dawk li jinsabu weħidhom?

Meta jgħaddi kollox, u dan iż-żmien se jasal, kull attività tal-mużika se tkun mifqugħa bin-nies, restaurants bil-queues, kulħadd se jkun kuntent li reġa’ lura għax-xogħol u jerġa’ jibda jagħmel il-flus. Bars, pubs, logħob tal-football, kunċerti se jiġu bil-bosta u l-bnedmin se jkunu jistgħu jerġgħu jitgħannqu u jieħdu b’idejn xulxin. Dik se tkun ġurnata sabiħa ħafna u ma iddumx ma tasal. Sakemm ħajjitna qed tieħu pawsa u ninsabu kollha ‘il bogħod minn xulxin.

Wieħed irid japprezza li qatt mill-bidu taż-żmien il-bnedmin ma kienu daqshekk maqgħuda flimkien! Maqgħudin kontra dan il-virus qerriedi, kulħadd b’mira waħda. Din għandha tkun lezzjoni ta’ kif id-dinja għandha tibda tħares lejn il-problemi tagħha.

Oqgħodu d-dar, be safe u l-bnedmin jirbħu fuq dan il-virus… Imbagħad inkun nista’ nerġa’ narakhom fuq id-dance floor!

Ekonomija

Sport