Sunday, December 22, 2024

Ordnat iħallas €73,000 wara li nżamm responsabbli li tajjar ġuvni ħdejn diskoteka fir-Rabat

Aqra wkoll

Clayton Bugeja, sewwieq ta’ karozza li kien tajjer raġel fil-21 ta’ Awwissu tal-2017, inżamm responsabbli tal-inċident u ġie ordnat jagħti kumpens ta’ €73,000 lill-vittma.

Lee Tanti – il-vittma – kien fetaħ kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra Clayton Bugeja u Mapfre Middlesea plc.

Fil-kawża tiegħu Tanti qal li Bugeja kien qed isuq bi traskuraġni meta tajru kif ukoll wara li seħħ l-inċident baqa’ sejjer u ma waqafx biex jagħtih l-għajnuna.

Fir-risposta tiegħu Bugeja qal li hu ma kellux jerfa’ r-responsabbilità ta’ dan l-inċident minħabba li Tanti kien miexi fi triq mudlama. Qal li hu kien ħaseb li xi ħadd kien tefalu xi ġebla fuq il-windscreen. Fil-Qorti Bugeja qal li dak il-ħin ippanikkja u baqa’ sejjer u kien l-għada li sema’ fuq l-aħbarijiet li kienet weġġgħet persuna fir-Rabat. Sostna li kien hu stess li mar għand il-pulizija u ta stqarrija.

Mill-provi li tressqu fil-kawża quddiem l-Imħallef Toni Abela ħareġ li l-inċident kien seħħ għall-ħabta tat-3.00am. Il-Perit li kien tqabbad bħala espert qal li fit-triq ma kienx hemm bankina u lanqas dawl.

Dakinhar tal-inċident Tanti kien mat-tfajla tiegħu fejn attendew għal party f’diskoteka. Kien waqt li kienu mexjin lura lejn ir-Rabat li hu ntlaqat mill-karozza.

Skont dak li ġie ppreżentati fil-Qorti, Bugeja baqa’ jsur lejn daru fiż-Żurrieq u kien wara li mar jagħmel rapport l-Għassa. Kien saru t-test tal-breathalyser fejn irriżulta li ma kienx taħt l-effett tal-alkoħol.

Iżda Tanti u t-tfajla tiegħu kienu ttieħdu l-isptar b’ambulanza fejn il-ġuvni kien ġie ċċertifikat bi ġrieħi gravi filwaqt li t-tfajla bi ġrieħi ħfief.

Wara li saret l-investigazzjoni, il-Pulizija kienu ressqu lil Bugeja l-Qorti fejn akkużatu li b’sewqan perikoluż kien weġġa’ gravi lil Tanti. Fl-2018 hu kien instab ħati li weġġa’ gravi lil Tanti, iżda l-Qorti lliberatu mill-akkuża li saq bi traskuraġni.

L-Imħallef Abela fis-sentenza tiegħu kkunsidra x-xhieda ta’ sewwieq li kien qiegħed isuq wara Bugeja fil-ħin tal-inċident. Miegħu kellu passiġġier li wkoll kien ta x-xhieda tiegħu. It-tnejn li huma qalu li l-karozza ta’ Bugeja ġibdet lejn ix-xellug u kien kważi ħabat mal-ħajt.

Qal li għalkemm il-Qorti tal-Maġistrati lliberatu mill-akkuża ta’ sewqan perikoluż, hu ma kienx qiegħed jaqbel ma’ dan minħabba l-fatt li kieku ma kienx qed isuq b’veloċità eċċessiva ma kienix se tinkiser il-windscreen. L-Imħallef Abela qal li prova oħra li Bugeja kien qed isuq b’veloċità eċċessiva kien li Tanti ttajjar m’għola sular.

Il-Qorti qalet li qatt ma setgħet tmexxen il-verżjoni ta’ Bugeja u għalhekk kienet qed iżommu responsabbli ta’ dan l-inċident.

Meta ġie biex jaħdem l-ammont ta’ kumpens, l-Imħallef ikkunsidra li l-vittma kellu 21 sena u sofra diżabilità permanenti ta’ 24%.

Ekonomija

Sport