Monday, May 13, 2024

Se tinħoloq pressjoni baxxa mil-Lbiċ – nistennew l-ewwel xita

Aqra wkoll

Wara ġimgħat sħaħ bla indikazzjoni ta’ xejn ta’ xita, issa hemm stampa aktar ċara li nhar l-Erbgħa li ġej nistennew l-ewwel xita li tkun mifruxa fuq il-pajjiż kollu.

Gordon Grech mis-sit Aġġornament tat-Temp jgħid li mis-Sibt daħal kurrent frisk minn fuq il-Majjistral tal-gżejjer Maltin u għalhekk ġab miegħu waqa’ fit-temperatura. Isostni li b’dan il-mod bdejna resqin għan-normalità bħala temperatura għal Novembru.

Grech jgħid li din l-arja kiesħa se ġġib magħha l-effetti fuq il-Mediterran fil-ġranet li ġejjin hekk kif jidher ċae li se tiżdied l-instabbilità fil-Lbiċ tal-Gżejjer Maltin.

Hemm indikazzjoni ċara li nhar l-Erbgħa se tinħoloq pressjoni baxxa fil-Lbiċ u din se ġġib magħha ammont ta’ xita. Jappella li ħadd m’għandu jesaġera fuq dak li jikteb fuq il-midja soċjali “u ejja nkunu raġjonevoli u nħallu ftit maltemp normali jagħtina ftit xita.”

Intant, it-temp għal għada mistenni li jkun il-biċċa l-kbira xemxi b’riħ forza 5 mill-Majjistral li jinżel forza 4 u jdur Punent Majjistru. Temperatura l-għola tmiss 23°C u l-inqas 17°C.

It-Tlieta nistennew li t-temp ikun ftit imsaħħab li jisaħħab ħafna waranofsinhar li jsir imsaħħab filgħaxija. Ir-riħ ikun il-Lbċi forza 4 li jdur Punent filgħaxija.Temperatura l-għola tmiss 23°C u l-inqas 18°C.

L-Erbgħa imbgħad imsaħħab u bix-xita u jkollna riħ forza 4 għal 5 mill-Majjistral li jinżel u jdur Punent Majjistru sa filgħaxija. Temperatura l-għola tmiss 20°C u l-inqas 17°C.

Il-Ħamis ukoll ikun imsaħħab u bix-xita b’riħ forza 3 mil-Lbiċ li jdur Xlokk il-Lvant waranofsinhar. Temperatura l-għola tmiss 19°C u l-inqas 16°C.

Matul tmiem il-ġimgħa nistennew riħ qawwi hekk kif is-Sibt ikollna riħ mill-Majjistral forza 6 filwaqt li l-Ħadd ir-riħ ikuun forza 6 u jkun qiegħed jonfoħ mill-Punent.

Sport