Monday, November 18, 2024

Ordnata l-estradizzjoni ta’ raġel imfittex fuq qtil doppju u serq fil-Greċja

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Maġistrati ordnat l-estradizzjoni ta’ raġel imfittex fuq allegata serqa ta’ €780,000 u qtil doppju fi gżira Griega fl-2015.

Id-deċiżjoni ngħatat ilbieraħ mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, li osservat li Ledjon Brakaj kien imfittex fuq reati li jistgħu jwasslu għal piena ta’ għomor il-ħabs taħt il-liġi Griega u anke taħt il-liġi Maltija. 

Barra minn hekk, innutat li ma kienx hemm restrizzjonijiet għall-estradizzjoni, kif kienet iddikjarat id-Difiża f’seduta preċedenti.

Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti laqgħet it-talba soġġetta għal-“liġi tal-ispeċjalità”, li tfissier li l-persuna setgħet tiġi estradita biss fir-rigward ta’ dawk ir-reati stipulati speċifikatament fil-Mandat ta’ Arrest Ewropew li wassal għal dawn il-proċeduri. 

Il-Qorti ordnat li Brakaj kellu jinżamm taħt arrest u ma setax jintbagħat lura qabel jiskadi l-perjodu ta’ sebat ijiem skont il-liġi li fih jista’ jressaq appell u jibda proċeduri jekk iħoss li d-drittijiet fundamentali tiegħu ġew miksura.

Il-każ mistenni jipproċedi għall-istadju tal-appell. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Kurt Ryan Farrugia. L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb dehru għall Brakaj. 

Ekonomija

Sport