Mons. Charles Jude Scicluna dalgħodu qaddes quddiesa fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt fejn fiha saret l-ordinazzjoni presbiterali ta’ tliet saċerdoti ġodda. Is-saċerdoti l-ġodda f’Malta huma Dun Gylan Camilleri mill‑Parroċċa ta’ Sant’Anna, Wied il‑Għajn; Dun Clive Seychell mill‑Parroċċa ta’ San Ġużepp, il‑Kalkara; u Patri Ian Zammit, tal‑Ordni tal‑Predikaturi.
Filwaqt li lbieraħ il-Ġimgħa fil-Katidral t’Għawdex, Mons. Isqos Anton Teuma ordna lid-Djaknu Matthew Bajada bħala saċerdot.
Inatnt fl-omelija l-Arċisqof fakkarhom li l-imħabba hi ċ-ċentru ta’ kollox inkluż tal-missjoni tagħhom bħala saċerdoti, waqt li awguralhom li jkunu mdawrin b’nies li huma ħerqana li jisimgħu lil Ġesù. Mons. Arċisqof ħeġġiġhom ma jagħmlu xejn għal wiċċ in-nies imma jagħmlu kollox għal Alla.
“Aħna nafdawkom lil din id-dinja li intom mibgħuta fiha biex tkunu l-balzmu li jdewwi, xhieda ta’ mħabba u li permezz tagħkom il-Mulej isejjaħ qlub ġeneruża biex jagħtu ħajjithom bħala ragħajja tal-poplu ta’ Alla. Mhijiex kwistjoni li nibżgħu mill-Mulej għax jekk inħobbuh, m’hemmx għalfejn nibżgħu minnu imma jalla l-Mulej jagħtina wkoll sens tal-vokazzjoni tagħha. Jalla intom tgħammru fl-imħabba għax Alla hu mħabba u min jgħammar fl-imħabba jgħammar f’Alla u Alla fih. Aħna nħobbu għax hu ħabbna l-ewwel. Jalla din il-kelma tkun għalikom dejjem ta’ kuraġġ u ta’ motivazzjoni,” temm jgħidilhom l-Arċisqof.