Infrastructure Malta ħabbret pjan biex torganizza b’mod aħjar l-infrastruttura bil-għan li ttejjeb landament tat-traffiku fiż-żona tal-Barrani, f’Ħal Tarxien u Bulebel. Dan il-pjan, li ser jindirizza ħames junctions fiż-żona msemmija, ser jara l-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ta’ traffic lights li huma integrati ma’ xulxin bil-għan li l-immaniġġjar tat-traffiku jkun iżjed effettiv.
Dan l-intervent ser iwassal għal titjib fil-konnessjonijiet diretti bejn l-irħula tal-madwar, b’dan mistenni jnaqqas it-traffiku fil-qalba tal-irħula. Apparti network ta’ trasportazzjoni iktar effiċjenti għas-sewwieqa, il-proġett mistenni jwassal biex l-inħawi jkunu aktar siguri għal min jużahom.
Dan il-pjan beda jiġi diskuss u ser ikompli jiġi diskuss ma’ numru ta’ msieħba, fosthom il-kunsilli lokali, bil-għan li jiġi implimentat qabel il-bidu tas-sena skolastika li jmiss. Aktar tagħrif dwar l-organizzazzjoni tat-traffiku: Il-ħruġ tal-vetturi minn Ħal Tarxien lejn it-Triq Tal-Barrani fid-direzzjoni lejn il-Belt Valletta u Birżebuġġia ser ikun minn Triq il-Palma kif inhu preżentament.
Il-ħruġ minn Ħal Tarxien fid-direzzjoni lejn il-Fgura/Ħaż-Żabbar/Iż-Żejtun, mhux ser jibqa’ interrot minħabba t-tneħħija tat-traffic lights, b’żieda ta’ korsija ddedikata fid-direzzjonijiet imsemmija, bin-numru ta’ korsiji għaldaqstant ser jiżdiedu minn tnejn għal tlieta.
Ser jerġa’ jinfetaħ l-aċċess biex vetturi misjuqa minn Birżebbuġa/Żejtun, jidħlu minn Triq il-Gudja, Ħal Tarxien. Sadanittant, il-ħruġ minn din il-junction lejn il-Birżebbuġa ser jibqa’ kif inhu preżent. Vetturi misjuqa minn Ħaż-Żabbar/Fgura fid-direzzjoni lejn Santa Luċija/Belt Valletta, issa ser jibdew
jgħaddu minn Triq Ħal Tarxien, lejn Triq tal-Ħotba, lejn Triq il-Barrani, iż-Żejtun.