Saturday, December 21, 2024

Ottimiżmu qawwi għall-industrija tal-films ta’ pajjiżna

Aqra wkoll

Waħda mill-industriji ewlenin f’pajjiżna li qed tħalli kontrinbut sħiħ lill-ekonomija ta’ pajjiżna mingħajr dubju hija l-industrija tal-films. Mhux biss din l-industrija għandha sehem fit-tkabbir tal-prodott gross domestiku iżda hija wkoll strument qawwi biex pajjiżna jżid u jkabbar ir-reputazzjoni tiegħu ‘l barra minn xtutna.

Għalhekk, bħala pajjiż għandna nindokrawha u nagħmlu dan mhux billi nikkritikawha ħafna drabi b’mod inġust imma billi napprezzaw il-ħidma tagħha li qed tagħti żvog lit-talent Malti biex ikabbar il-ħiliiet tiegħu fis-settur tal-ġbid tal-films.

Ħadd ma jista jmeri r-riżultati pożittivi li kulma jmur qed tikseb din l-industrija. Fil-fatt, kif konna diġa għidna, is-sena li għaddiet kienet l-aqwa sena fl-istorja għal produżżjonijiet tal-films uħud minnhom blockbusters. Is-sena l-oħra biss inħadmu xejn inqas minn 37 produzzjoni f’pajjiżna, b’1,400 persuna jaħdmu fil-films. F’dan ir-rigward, ta’ min wieħed ifakkar li 78% tal-crews li jaħdmu fil-films huma Maltin. Dan kollu jikkonferma kemm l-industrija tal-films hija storja ta’ suċċess.

Għalhekk f’dan il-kuntest irridu nkomplu ninvestu fiha. Illum kulħadd jaf li l-industrija tal-films kullimkien- qed tiddiversifika ruħha l-iktar minħabba l-iżvilupp mgħaġġel fit-teknoloġija u biex inlaħqu ma dawn l-avvanzi jeħtieġ investiment kontinwu mhux biss fil-faċilitajiet imma wkoll fil-ħiliet tan-nies.

M’għandna ebda dubju li dan qed isir. Il-potenzjal li għandu pajjiżna f’dan is-settur saħansitra ġie rikonoxxut mill-magazin influwenti Amerikan ‘The Hollywood Reporter’ li ftit tal-jiem ilu, faħħar kemm is-sbuħija ta’ pajjiżna bħala attrazzjoni turistika u anki l-faċilitajiet ta’ livell għoli li għandna għall-produzzjonijiet u l-ġbid tal-films. Dan sostna wkoll li hemm bosta raġunijiet l-għala l-produtturi tal-films għandhom jersqu lejn Malta.

Wieħed ma jistax ma jirkonoxxix dawn ir-riżultati sinifikanti meta niftakru li tliet snin ilu pajjiżna, bħal ħafna pajjiżi oħra qrib u lil hinn minna, għadda minn perjodu diffiċli, meta ntlaqat mill-pandemija tal-Covid-19. Minkejja kollox, din l-industrija baqgħet waħda b’saħħitha hekk kif aktar produtturi barranin fittxew lil Malta għall-produzzjonijiet tagħhom. Dan ukoll jikkonferma l-eċċellenza ta’ pajjiżna fis-settur ċinematografu.

Dawn kollha għandhom ikomplu jimlewna b’aktar kuraġġ u ottimiżmu għall-ġejjieni ta’ din l-industrija. Għalhekk ma nistgħux nieqfu u nkunu kuntenti li pajjiżna għandu industrija tal-films sostenibbli u li toffri opportunitajiet għal kulħadd. Fil-fehma tagħna, nemmnu li din l-industrija trid tkompli timraħ lil hinn mir-riżultati li kisbet sa issa sabiex ikun hemm il-garanzija tax-xogħol u l-ħolqien tal-impjiegi.

Għalhekk nilqgħu b’sodisfazzjon it-tbassir tal-Kummissarju tal-Films Johann Grech li Malta se tkompli tattira aktar films fiż-żmien li ġej.

Ekonomija

Sport