Fl-aħħar għaxar snin pajjiżna għamel avvanzi ekonomiċi kbar. Fejn għaxar snin ilu kellna problema tal-qgħad, illum pajjiżna għandu waħda mill-inqas rati ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea, u huwa għalhekk li matul l-aħħar snin bdejna naġġornaw il-mudell ekonomiku biex nattiraw f’pajjiżna investiment li jirrikjedi inqas art u anqas ħaddiema. Inqas kwantità u aktar kwalità.
Qegħdin inkomplu niddiversifikaw l-ekonomija ta’ pajjiżna b’niċeċ ekonomiċi ġodda billi nattiraw u niffaċilitaw il-proċessi għall-start-ups. Dan qed iwassalna biex nattiraw industriji innovattivi fil-microelectronics, medtech, biotech, blockchain, fintech, AI, l-ekonomija l-blue u l-ħadra u l-video game development.
Matul dan ix-xahar, il-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi se jkunu qed itella’ erba’ avvenimenti kbar li kollha għandhom tema waħda komuni, l-innovazzjoni u fejn irridu lill-pajjiżna jmur fis-snin li ġejjin.
Bejn is-17 u 19 ta’ Ottubru ġewwa l-MFCC f’Ta’ Qali se jittella’ Start-up Festival u TechXpo, żewġ avvenimenti f’daqqa fl-istess post. L-Istart-Up Festival, bħas-snin ta’ qabel, se jkompli jattira start-ups prospettivi u jgħinhom fil-mixja tagħhom biex iwaqqfu negozju u jkomplu jikbru f’pajjiżna. Se jkun qed ikompli jibni ma’ dak li rnexxielna niksbu fl-aħħar snin. Fl-aħħar rapport tagħha l-Europe Startup Nations Alliance (ESNA) poġġiet lil Malta fir-raba’ post fost l-aqwa destinazzjoni għall-start-ups innovattivi fl-Ewropa.
Fit-TechXpo minbarra ħarsa lejn l-entitajiet fi ħdan il-Ministeru tal-Ekonomija, li jaħdmu f’sintonija flimkien biex jgħinu lill-istart-ups u scale-ups ikomplu jikbru u jgħinu jiġbdu lejn pajjiżna aktar investiment f’oqsma innovattivi, se nkunu qed naraw esposti kumpaniji privati varji li se jkunu qed juru l-abbiltajiet innovattivi tagħhom, u kif dawn l-innovazzjonijiet qegħdin jidħlu anke f’setturi aktar tradizzjonali.
Bejn l-24 u 27 ta’ Ottubru ukoll fl-MFCC Ta’ Qali se terġa’ ssir edizzjoni oħra ta’ Playcon, expo speċjalizzata fuq l-industrija tal-video games u esports. Niċċa ekonomika li kulma tmur qed tikber f’pajjiżna, mhux biss għandna numru ta’ kumpaniji barranin li fetħu studios fi gżirietna, iżda għandna wkoll numru mdaqqas ta’ kumpaniji lokali li qed jispeċjalizzaw f’dan il-qasam.
Bejn it-28 u t-30 ta’ Ottubru fl-MCC, il-Belt Valletta pajjiżna se jkun qed jilqa’ lil diversi ministri minn madwar id-dinja responsabbli mill-innovazzjoni, kommunikazzjoni u diġitalizzazzjoni għal Global Innovation Forum (GIF). It-tema għal din is-sena għal GIF hija Shaping our Digital Futures for Prosperity and Well Being for All. Dan il-forum huwa pjattaforma biex il-pajjiżi jaqsmu l-għarfien u l-ideat tagħhom f’oqsma innovattivi, kif ukoll ikomplu jibnu ekosistema u network ta’ kumpaniji f’dan il-qasam madwar id-dinja.
Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri semma diversi proġetti li tħabbru aktar kmieni din is-sena li fil-futur qrib se jwasslu għall-ħolqien ta’ numru ta’ impjiegi b’pagi għoljin ferm f’setturi innovattivi li se jkunu qed ikomplu jiżdiedu fil-futur.
“Ħabbarna investiment ma’ kumpanija Torka, Gimas li tispeċjalizza fit-turbini tar-riħ. Investiment ta’ €7.5 miljun, għall-impjant state-of the art li qiegħed jinbena f’Ħal Far li se jwassal lill-pajjiżna biex nkomplu nespandu f’din l-industrija ta’ ekonomija ħadra. Fil-fażi inizjali tiegħu dan l-investiment se jkun qed joħloq 44 impjieg full-time speċjalizzat. Fl-ST Microelectronics, kumpanija li ilha f’pajjiżna għexieren ta’ snin, ħabbarna proġett b’teknoloġika awtomizzata fl-industrija 4.0. Dan il-proġett huwa kruċjali biex pajjiżna jkun ċentru tal-innovazzjoni u t-teknoloġija Ewropea fis-settur tas-semiconductors. Dan huwa l-mod kif qed nimmodernizzaw l-ekonomija ta’ pajjiżna u noħolqu impjiegi ta’ kwalità fejn l-istudenti Maltin u Għawdxin jistgħu jsibu impjiegi fl-iktar setturi ta’ teknoloġija avvanzata fid-dinja,” tenna l-Ministru Silvio Schembri.